Alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali - Chemicals In Our Life

Alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali

Is-sustanzi kimiċi jeħtieġ li jiġu ttestjati sabiex ikunu siguri biex jintużaw. Dan ifisser li neħtieġu informazzjoni xjentifika dwar is-sustanzi kimiċi biex nifhmu kif dawn jistgħu jaffettwaw in-nies u l-ambjent. Jista’ jkun hemm diversi modi kif tinkiseb din id-data.

L-industrija jeħtiġilha tifhem il-perikli tas-sustanzi kimiċi li tipproduċi. B’dan il-mod, tista' tiżgura l-użu sigur tagħhom u tiġġestixxi r-riskji potenzjali. Għal ħafna sustanzi kimiċi, l-informazzjoni dwar l-impatt tagħhom fuq is-saħħa - pereżempju, il-potenzjal li jikkawżaw kanċer - jew fuq l-ambjent għadha nieqsa. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jitwettqu studji ġodda dwar is-sustanzi kimiċi.

Inħeġġu metodi alternattivi

Fl-UE, il-liġi tirrikjedi lill-kumpaniji biex fejn ikun possibbli jużaw mezzi oħra li ma jinvolvux l-ittestjar fuq l-annimali. Pereżempju, il-kumpaniji jistgħu jużaw testijiet ibbażati fuq mudelli tal-kompjuter (in silico jew QSAR) jew testijiet li jużaw ċelloli jew tessuti (in vitro). Il-kumpaniji jistgħu jużaw ukoll informazzjoni minn studji diġà eżistenti dwar sustanzi kimiċi simili sabiex jipprevedu l-karatteristiċi tas-sustanza kimika tagħhom.

Il-liġi tippreskrivi wkoll li l-kumpaniji li jirreġistraw l-istess sustanza kimika jeħtiġilhom jaħdmu biex jagħmlu r-reġistrazzjoni flimkien. Dawn jeħtiġilhom jikkondividu l-informazzjoni bejniethom u jittestjaw ir-riżultati dwar is-sustanza kimika tagħhom sabiex ma jkunx hemm bżonn li l-istudji fuq l-annimali jiġu ripetuti. U mbagħad ikun meħtieġ li jaqblu dwar il-ħtieġa ta' testijiet ġodda, ladarba s-sorsi ta’ data disponibbli l-oħra kollha jkunu ġew eżaminati.

Ix-xjenzjati qed jiżviluppaw metodi ta’ ttestjar ġodda bil-għan li dawn jissostitwixxu t-testijiet fuq l-annimali. Madankollu, għadu mhux possibbli li jiġu applikati metodi u approċċi alternattivi fis-sitwazzjonijiet kollha, speċjalment sabiex jinftehmu l-effetti fuq perjodu twil ta’ żmien tas-sustanzi kimiċi fuq in-nies u l-ambjent - pereżempju, jekk ċerti sustanzi kimiċi jikkawżawx il-kanċer jew jekk jaffettwawx il-kapaċità tagħna li nirriproduċu. Għalhekk, f’każ li ma jkunx għad fadal alternattiva oħra, ħafna sustanzi kimiċi għadhom jiġu ttestjati fuq l-annimali.

Għodod disponibbli mingħajr ħlas

Hemm diversi għodod li l-kumpaniji jistgħu jużaw biex isibu d-data disponibbli dwar is-sustanzi kimiċi tagħhom. Pereżempju, il-bażi tad-data eChemPortal tista’ tintuża biex jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni dwar it-testijiet fuq l-annimali hijiex diġà disponibbli mingħand awtoritajiet oħra. Il-QSAR Toolbox hija applikazzjoni ta’ softwer li tgħin biex timtela d-data nieqsa.

Is-sit web tal-ECHA jagħti lill-kumpaniji, iżda wkoll liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet interessati, aċċess għal ammont kbir ta’ informazzjoni dwar sustanzi kimiċi. Din l-informazzjoni tiġi mill-fajls ta’ reġistrazzjoni li l-kumpaniji jridu jipprovdu lill-ECHA sabiex ikunu jistgħu jqiegħdu fis-suq is-sustanzi kimiċi tagħhom fl-UE.

Aqra aktar