Bisfenol A - Chemicals In Our Life

Bisfenol A

Bisfenol A (BPA) ilu fis-suq mis-snin sittin. Dan jintuża f’firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-konsumatur bħal fliexken tal-plastik u rċevuti. Minħabba l-karatteristiċi perikolużi tiegħu, il-BPA diġà ġie ristrett f'diversi prodotti fl-UE.

Il-BPA jista’ jinstab f’bosta oġġetti komuni tal-konsumatur, bħal pożati u fliexken tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw, tagħmir tal-isport, CDs u DVDs. Reżini epossidiċi li jkun fihom il-BPA jintużaw biex jiksu n-naħa ta’ ġewwa tal-pajpijiet tal-ilma u n-naħa ta’ ġewwa tal-laned għall-ikel u għax-xorb sabiex jiżdied iż-żmien tal-ħżin tagħhom u jiġi evitat li jkollhom togħma metallika fl-ikel jew fix-xorb. Il-BPA jintuża wkoll pereżempju bħala żviluppatur tal-kolorant fil-karta termali biex jgħin lil-linka tidher. Dan jista’ jinstab f'irċevuti tal-bejgħ minn ħwienet u biljetti tat-trasport pubbliku u tal-parkeġġ.

Għaliex u kif qiegħed jiġi kkontrollat il-BPA

Bisfenol A huwa kklassifikat fl-UE bħala sustanza li għandha effetti tossiċi fuq il-kapaċità tagħna li nirriproduċu. Kull min jimmanifattura, jimporta jew ifornih jeħtieġlu jikklassifika u jittikketta prodotti li jkun fihom il-BPA bħala tossiċi għar-riproduzzjoni sal-1 ta’ Marzu 2018. Dan jippermetti lill-kumpaniji biex ikunu infurmati aħjar dwar l-effetti perikolużi potenzjali u kif il-ħaddiema jistgħu jiġu protetti.

Il-BPA jinsab fil-Lista ta' Kandidati ta’ sustanzi għall-awtorizzazzjoni taħt ir-Regolament REACH minħabba li huwa tossiku għar-riproduzzjoni u minħabba l-karatteristiċi tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali. Bħas-sustanzi kollha mqiegħda fil-Lista ta' Kandidati, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jistaqsu lill-fornitur ta’ kwalunkwe prodott jekk dan fihx il-BPA f’konċentrazzjoni li taqbeż il-0.1 %. Jekk dan ikun il-każ, il-fornitur jeħtieġ li jipprovdi din l-informazzjoni fi żmien 45 jum mit-talba, kif ukoll biżżejjed informazzjoni sabiex tippermetti l-użu sigur tal-prodott mill-konsumaturi.

Sabiex jevitaw is-sostituzzjoni tal-BPA b’sustanzi oħra li jistgħu jikkawżaw problemi simili, l-awtoritajiet qegħdin jivvalutaw il-karatteristiċi u l-użi ta’ sustanzi simili bħal Bisfenol S (BPS), u jistgħu jiddeċiedu li jikkontrollaw dawn anke fil-futur.

Ristrett fil-karta termali

Il-BPA ilu ristrett fl-UE fil-karta termali mill-2016. Il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ fl-2020, b’hekk tagħti lill-kumpaniji żmien biex jeliminawh gradwalment u jsibu alternattiva aktar sigura. Bħala riżultat tar-restrizzjoni, il-manifatturi tal-karta ser ikunu jeħtieġu li jissostitwixxu l-BPA bi żviluppaturi tal-kolorant oħra. Ir-restrizzjoni tal-BPA fil-karta termali hija mistennija li ġġib bosta benefiċċji għall-ħaddiema li jimmaniġġjaw prodotti li fihom il-karta termali fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, bħal dawk li jieħdu ħsieb il-ħwienet u li jbigħu l-biljetti. Ristrett f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel

Il-BPA ilu pprojbit mill-fliexken għat-tisqija tat-trabi fl-UE kollha mill-1 ta’ Ġunju 2011. Fl-UE, il-BPA jista’ jintuża f’materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel, iżda hemm ammont massimu li huwa permess li jiskula mill-materjal. Barra minn hekk, xi Stati Membri imponew restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-prodotti li fihom il-BPA. Fil-Belġju, fl-Iżvezja u fid-Danimarka, dan huwa pprojbit ukoll f’materjal ieħor li jiġi f’kuntatt mal-ikel maħsub għal trabi u għal tfal taħt tliet snin. Franza pprojbiet il-BPA fl-imballaġġ tal-ikel, fil-kontenituri u fl-għodda tal-kċina kollha.

Limitu fil-Ġugarelli

Attwalment fl-UE, hemm limitu fuq l-ammont ta' BPA li huwa permess li jiskula mill-ġugarelli għat-tfal sal-età ta’ tliet snin u fi kwalunkwe ġugarell li huwa maħsub biex jitqiegħed f’ħalq it-tfal. Dan il-limitu huwa stabbilit sabiex jiżgura li l-ġugarelli jkunu siguri u li t-tfal ma jiġux esposti għal livelli mhux siguri.

Aqra aktar