Sustanzi kimiċi fi prodotti tat-tindif - Chemicals In Our Life

Sustanzi kimiċi fi prodotti tat-tindif

Is-sustanzi kimiċi jagħmlu lill-prodotti tat-tindif tiegħek jaħdmu. Huwa importanti li dejjem tivverifika t-tikketti biex tużahom b’mod sigur.

Deterġenti tal-ħwejjeġ, prodotti għal kull tip ta’ tindif, likwidi tal-ħasil tal-platti - dawn kollha fihom sustanzi msejħa aġenti tensjoattivi jew materjali attivi fuq is-superfiċje. Dawn inaqqsu t-tensjoni tas-superfiċje bejn l-ilma u l-griż (żejt likwidu jew xaħam solidu) sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jitħalltu, l-ilma jkun jista’ jżomm il-griż u jneħħih. Dan huwa għaliex naħslu l-ħwejjeġ maħmuġa bid-deterġenti - id-deterġent jista’ jneħħi l-ħmieġ f’forma solida jew likwida.

Jekk tħares lejn l-ingredjenti ta’ prodott ta’ tindif, ser tara bosta sustanzi kimiċi oħra, ukoll. Pereżempju, id-deterġenti bijoloġiċi fihom l-enzimi. Dawn jgħinu biex ikissru u jneħħu l-griż, iżda wkoll l-ikel u depożiti oħra. Sustanzi kimiċi differenti jintużaw ukoll biex jipprovdu rwejjaħ jew kulur lil prodott jew jgħinu biex jippriservawh.

Regolament għal prodotti aktar siguri

Fl-UE, regoli differenti għandhom l-għan li jagħmlu l-użu tal-prodotti tat-tindif aktar sigur. Pereżempju, ir-regolament dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ - ir-Regolament CLP - jirregola l-mod kif is-sustanzi kimiċi u l-prodotti li fihom dawn jiġu ttikkettati u ppakkjati. Jekk il-prodott fih sustanzi kimiċi perikolużi, dan irid jiġi ttikkettat b’pittogramma u bi spjegazzjoni ta’ xi tfisser. Dan jgħin lill-konsumaturi jimmaniġġjaw il-prodott b’mod sigur u jagħti pariri dwar x’tagħmel f’każ ta’ aċċident.

Ir-regolament dwar id-deterġenti jiżgura li deterġenti b’aġenti tensjoattivi bijodegradabbli bis-sħiħ biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Barra minn hekk, it-tikketti tagħhom irid ikun fihom informazzjoni dwar l-ingredjenti tal-prodotti u d-dożaġġ it-tajjeb. Dan jipproteġi lill-konsumaturi minn allerġiji u jgħin biex jevita l-użu eċċessiv tad-deterġenti.

U dwar l-imballaġġ?

Ir-Regolament CLP għandu l-għan ukoll li jagħmel il-pakketti aktar siguri għat-tfal. Prodotti tat-tindif li fihom sustanzi kimiċi perikolużi jenħtieġ li ma jidhrux attraenti għat-tfal u dawn jenħtieġ li ma jidhrux simili għal pakketti tal-ikel jew tal-mediċina. Dawn iridu jkunu magħluqa b’mod li jwaqqaf lit-tfal milli jiftħuhom faċilment - pereżempju, b’tapp li jirrikjedi l-użu taż-żewġ idejn biex jinfetaħ.

Kapsuli tad-deterġenti likwidi jridu jkunu reżistenti għall-pressjoni u ma jistgħux jinħallu malajr wisq. Dawn fihom aġent aromatizzanti li jikkawża effett ripulsiv jekk tifel jew tifla jpoġġi/tpoġġi l-kapsula f’ħalqu/f’ħalqha. Barra minn hekk, l-imballaġġ ta’ barra tal-kapsuli għal użu ta’ darba jrid ikun opak sabiex ikun aktar diffiċli għat-tfal biex jaraw il-kapsuli individwali ġewwa.

Pariri dwar użu aktar sigur

  • Ivverifika t-tikketti tal-prodotti li tuża u segwi l-istruzzjonijiet sabiex tiżgura li timmaniġġjahom u taħżinhom b’mod sigur. Il-pittogrammi tal-periklu juru x’tip ta’ ħsara jista’ jikkawża l-prodott lil saħħtek jew lill-ambjent. It-tikketti għandhom ukoll informazzjoni dwar x'tagħmel jekk ikun hemm aċċident.
  • Agħti preferenza lil deterġenti ekoloġiċi b’ekotikketta uffiċjali - pereżempju, l-ekotikketta tal-UE jew l-ekotikketta Nordika.
  • Dejjem uża prodotti tat-tindif skont l-istruzzjonijiet. Xi prodotti jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi u jirritaw il-ġilda u l-għajnejn. Pereżempju, prodotti li jneħħu mblukkar tal-iskular u prodotti li jnaddfu t-tojlits jista’ jkun fihom sustanzi korrużivi li jistgħu jikkawżaw ħruq lill-ġilda u ħsara lill-għajnejn. Deterġenti tal-magni tal-ħasil tal-platti, aġenti tad-dekalċifikazzjoni u prodotti li jnaddfu l-fran jistgħu wkoll jagħmlu ħsara serja lil saħħtek jekk ma jiġux immaniġġjati kif suppost.
  • Tinsiex taħżen il-prodotti tat-tindif tiegħek ’il bogħod minn fejn jistgħu jilħquhom it-tfal jew l-annimali domestiċi. Oqgħod attent/a ukoll/wkoll biex ma tħallatx prodotti tat-tindif differenti flimkien jew biex ma tibdilx il-kontenitur tagħhom biex taħżen il-kontenut.

Aqra aktar