Sustanzi kimiċi fil-kożmetiċi - Chemicals In Our Life

Sustanzi kimiċi fil-kożmetiċi

Fl-Ewropa, bħala medja, nużaw tal-inqas seba’ prodotti kożmetiċi differenti kuljum. Dawn ivarjaw minn prodotti tal-iġjene bħal sapun, xampù, deodorant u tutpejst għal prodotti tas-sbuħija bħal fwejjaħ u make-up. Il-kożmetiċi jista’ jkun fihom bosta sustanzi kimiċi - agħti ħarsa lejn it-tikketti tal-ingredjenti.

L-Ewropa għandha liġijiet l-aktar komprensivi dwar il-kożmetiċi fid-dinja. Ir-regolament dwar il-kożmetiċi fih lista li tispeċifika s-sustanzi li huma permessi li jintużaw, dawk li għandhom restrizzjonijiet speċifiċi u dawk li huma pprojbiti.

Xi sustanzi kimiċi fil-kożmetiċi jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi. Dawn l-ingredjenti spiss ikunu magħmula mill-bniedem iżda jistgħu jkunu wkoll ta’ oriġini naturali. Għalhekk “naturali” mhux neċessarjament tfisser żieda fis-sigurtà.

Is-sustanzi li jistgħu jikkawżaw l-allerġiji għandhom tendenza li jkunu preservattivi u fwejjaħ. Il-preservattivi qegħdin hemm biex itawlu ż-żmien tal-ħżin ta’ prodott u biex joqtlu l-batterji li nkella jikbru fuqu.

Min huwa responsabbli mis-sigurtà tal-kożmetiċi?

Qabel jinbigħ prodott kożmetiku, manifattur jeħtieġlu jiżgura li l-prodott tiegħu jgħaddi minn valutazzjoni xjentifika tas-sigurtà tiegħu. Dawn jeħtieġ li jippreżentaw l-informazzjoni tal-valutazzjoni lill-awtoritajiet Ewropej permezz ta’ portal tan-notifika dwar il-prodotti kożmetiċi, billi juru li s-sustanza użata fil-prodott ma toħloqx riskju għas-saħħa.

L-awtoritajiet f’kull pajjiż tal-UE jagħmlu sorveljanza tas-suq u jwettqu testijiet fuq il-prodotti. Dawn jistgħu jirtiraw prodotti li fihom sustanzi kimiċi pprojbiti. Dawn jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni Ewropea, li tikkondividi l-informazzjoni fost il-pajjiżi kollha tal-UE.

Int tista’ tabbona għal sommarju fil-ġimgħa ta’ prodotti li ġew irtirati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE minħabba li nstabu li mhumiex siguri.

In-nanomaterjali

Fil-prodotti kożmetiċi, nanomaterjal huwa materjal insolubbli jew bijopersistenti u manifatturat intenzjonalment. FI-UE, il-kumpaniji huma meħtieġa li jispeċifikaw jekk il-prodott kożmetiku tagħhom fihx nanomaterjali.

In-nanomaterjali li jintużaw bħala koloranti, preservattivi u filtri tal-UV iridu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea qabel ikunu jistgħu jintużaw fi prodotti kożmetiċi. 

In-nanomaterjali jridu jiġu ttikkettati fil-lista ta’ ingredjenti bil-kelma “nano” fil-parentesi wara l-isem tas-sustanza.

Ebda ttestjar fuq l-annimali

L-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali ilu mhux permess fl-Ewropa sa mill-2004. Fl-Ewropa huwa wkoll ipprojbit li jitqiegħed fis-suq kwalunkwe prodott kożmetiku li fih ingredjenti ttestjati fuq l-annimali.

Xorta waħda, bosta ingredjenti li jinsabu fil-kożmetiċi jintużaw ukoll fi prodotti oħra, bħal fil-farmaċewtiċi, fid-deterġenti u fl-ikel. Għalhekk, xi wħud minn dawn is-sustanzi xorta jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ ttestjar fuq l-annimali skont dawn il-liġijiet. Għad hemm xi testijiet li għalissa ma jistgħux jiġu sostitwiti b’metodi affidabbli mhux fuq l-annimali, iżda l-UE u l-komunità internazzjonali qegħdin jaħdmu biex jiżviluppaw aktar.