Is-sustanzi kimiċi fil-prodotti tal-plastik - Chemicals In Our Life

Is-sustanzi kimiċi fil-prodotti tal-plastik

Il-plastik jagħmel ħajjitna aktar faċli b’bosta modi, iżda xi prodotti tal-plastik fihom sustanzi kimiċi li jistgħu jagħmlu ħsara lil saħħitna - bħal bisfenol A jew xi ftalati.

Aħna nużaw bosta prodotti li huma magħmula mill-plastik L-iskrin li qiegħed taqra dan fuqu probabbli għandu xi tip ta’ plastik fih, aħna nixorbu l-ilma mill-fliexken tal-plastik u t-tfal tagħna jilagħbu b’ġugarelli tal-plastik. Iż-żewġ sustanzi l-aktar importanti li għandek toqgħod attent/a għalihom fil-plastiks huma bisfenol A (BPA), li jintuża f’varjetà ta’ prodotti tal-konsumatur, u ċerti ftalati, li ta' spiss jinsabu fil-ġugarelli.

Bisfenol A - ingredjent ewlieni fil-plastik u manifattur tar-reżini

Bisfenol A (BPA) huwa sustanza li jintuża fil-manifattura industrijali ta’ prodotti tal-plastik polikarbonat. Dawn jinkludu prodotti tal-konsumatur komuni, bħal pożati u fliexken għax-xorb tal-plastik li jistgħu jerġgħu jintużaw, tagħmir tal-isport, CDs u DVDs. Reżini epossidiċi li jkun fihom il-BPA jintużaw biex jiksu n-naħa ta’ ġewwa tal-pajpijiet tal-ilma u n-naħa ta’ ġewwa tal-laned għall-ikel u għax-xorb sabiex jiżdied iż-żmien tal-ħżin tagħhom u jiġi evitat li jkollhom togħma metallika fl-ikel jew fix-xorb. Dan jintuża wkoll fil-kisi tal-irċevuti tal-bejgħ.

Il-BPA ġie kklassifikat bħala sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali, li jfisser li dan għandu effett tossiku fuq il-ħila tagħna li nirriproduċu. 

Ftalati - sustanzi li jrattbu l-plastik

Il-ftalati huma sustanzi kimiċi li ta' spiss jintużaw bħala sustanzi li jrattbu għall-plastik PVC. Sabiex il-plastik ikun aktar flessibbli, huma meħtieġa l-plastifikanti u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn ikunu ftalati.

Madankollu, xi ftalati jagħmlu ħsara lil saħħtek. Pereżempju, il-ftalati li ġejjin huma kklassifikati bħala sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali li huma tossiċi għar-riproduzzjoni, li jfisser li dawn jistgħu jagħmlu ħsara lill-fertilità jew lit-tarbija fil-ġuf.

X’qiegħda tagħmel l-UE biex tipproteġi lill-konsumaturi?

Il-BPA huwa ta’ ħsara speċjalment għal trabi li l-ġisem tagħhom ma jkollux il-kapaċità jeliminah. L-użu tal-BPA fil-fliexken tat-trabi ġie pprojbit fl-UE fl-2011. L-UE stabbilixxiet ukoll limitu fuq l-ammont ta’ BPA li huwa permess li jiskula mill-ġugarelli għat-tfal sal-età ta’ tliet snin u fi kwalunkwe ġugarell li huwa maħsub biex jitqiegħed f’ħalq it-tfal.

Fl-2007, l-UE pprojbiet l-użu ta’ DEHP, BBP, DBP u DIBP fil-ġugarelli u fl-oġġetti kollha tal-kura tat-tfal. Madankollu, dawn xorta jistgħu jkunu preżenti fi prodotti oħra tal-plastik.

Twissijiet dwar prodotti perikolużi

Kull ġimgħa, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika lista ta’ prodotti mhux tal-ikel perikolużi li jinsabu fis-suq tal-UE li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi. Fost dawn il-prodotti, spiss ikun hemm ġugarelli tal-plastik li fihom l-ftalati DEHP, BBP, DBP u DIBP li jfixklu s-sistema endokrinali.

Sabiex tibqa’ aġġornat/a, tista’ ssegwi t-twissijiet tagħhom fuq RAPEX hawn taħt.

Aqra aktar