Sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer - Chemicals In Our Life

Sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer

L-UE qiegħda kostantament taħdem biex issib liema sustanzi kimiċi jikkawżaw il-kanċer. Ċerti sustanzi kimiċi huwa magħruf li jikkawżaw il-marda u huma kkontrollati ħafna bil-liġi sabiex in-nies li jistgħu jiġu esposti għalihom jiġu mħarsa.

Ħafna nies jafu li xi affarijiet komuni fil-ħajja tagħna ta’ kuljum jikkawżaw il-kanċer - pereżempju d-duħħan tat-tabakk u r-raġġi ultravjola mix-xemx.

L-asbestos huwa eżempju ieħor magħruf sew, u din hija r-raġuni għaliex huwa kkontrollat b’mod strett. Filwaqt li t-tipjip tat-tabakk huwa l-kawża ewlenija tal-kanċer tal-pulmun, l-espoiniment għall-asbestos huwa wkoll wieħed mill-fatturi ta’ riskju okkupazzjonali ewlieni marbut mal-iżvilupp tal-kanċer tal-pulmun. Iżda ħafna aktar sustanzi li ħafna nies qatt ma semgħu bihom huma kklassifikati mill-UE bħala karċinoġeni. 

Ir-riskju u l-esponimenti għas-sustanzi kimiċi

Jekk tinsab inkwetat dwar l-esponiment għall-karċinoġeni, huwa importanti li tkun konxju li klassifikazzjoni mhux neċessarjament tfisser li hemm raġuni għaliex għandek tinkwieta dwar l-użu ta’ prodott li fih dik is-sustanza.

Jekk tiżviluppax kanċer jew le dejjem se jiddependi kemm mid-doża kif ukoll mill-esponiment - fi kliem ieħor, l-ammont tad-doża li tiġi f’kuntatt magħha, kemm-il darba u b’liema mod.

Jekk is-sustanza ma tiġix rilaxxata fl-ambjent, jew jekk aħna ma niġux esposti għaliha, din mhix se tkun ta’ periklu għalina. Jekk inti żżomm pakkett tas-sigaretti mhux se jaqbdek kanċer, iżda jekk tpejjep ħafna minnhom fuq perjodu twil ta’ żmien jista’ jaqbdek.

Il-probabbiltà li jaqbdek kanċer b’sustanza kimika speċifika jiddependi minn diversi fatturi, inkluż:

  • it-tip ta’ sustanza kimika li kont espost għaliha;
  • kemm kienet kbira d-doża li kont espost għaliha;
  • kemm spiss, fejn u kif kont espost;
  • kemm domt espost għas-sustanza kimika.
  • il-kundizzjoni tas-saħħa ġenerali tiegħek u l-ġeni tiegħek;
  • esponiment possibbli għal sustanzi oħra li jistgħu jikkawżaw il-kanċer.

X’inhi tagħmel l-UE

Meta jkun hemm biżżejjed evidenza li sustanza tikkawża l-kanċer, din se tiġi kklassifikata bħala tali. Dan jirriżulta f’limitazzjonijiet maqbula fil-livell tal-UE dwar kif dawn jistgħu jintużaw.

L-UE qiegħda kostantament taħdem biex issib liema sustanzi kimiċi jikkawżaw il-kanċer u effetti ta’ ħsara oħra. Il-kumpaniji jipprovdu informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jużaw. L-ECHA mbagħad teżamina u tagħti prijorità lis-sustanzi l-aktar importanti, bħal dawk b’użu wiesa’ u li potenzjalment jiġu f’kuntatt mal-konsumaturi, mal-ħaddiema jew mal-ambjent. Jekk tixtieq issir taf aktar dwar kif taħdem il-leġiżlazzjoni, tista’ taqra l-paġna Kif inhuma kkontrollati s-sustanzi kimiċi?

Eżempji ta’ sustanzi kimiċi li huwa magħruf li jikkawżaw il-kanċer:

 

1,4-diklorobenżen (DCB) ilu snin jintuża fil-preparazzjonijiet li jfewħu l-arja u d-deodoranti f’tojlits pubbliċi, fi djar u f’uffiċċji. Aħna nafu li jista’ jikkawża l-kanċer tal-fwied u li għalhekk ġie pprojbit għal dawk l-użi fl-UE. Mill-projbizzjoni mhux sejrin jibbenefikaw biss il-klijenti li jużaw il-preparazzjonijiet li jfewħu l-arja fi djarhom iżda wkoll in-nies li jaħdmu fil-postijiet fejn jintużaw il-preparazzjonijiet li jfewħu l-arja.

Eżempju ieħor huma l-komposti kimiċi msejħa ażokoloranti, li jistgħu jirrilaxxaw sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer bl-isem ta’ ammini aromatiċi. Sa mill-2003, l-ażokoloranti ġew ristretti f’oġġetti ta’ tessuti u tal-ġild li jiġu f’kuntatt mal-ġilda.

Meta sustanza tiġi klassifikata fl-UE bħala li tikkawża l-kanċer, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet din taqa’ taħt restrizzjoni, li tipprojbixxi l-bejgħ tagħha lill-konsumaturi. 

Aqra aktar