Ħwejjeġ u tessuti - Chemicals In Our Life

Ħwejjeġ u tessuti

Hemm bosta modi kif aħna niġu f’kuntatt mat-tessuti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum - il-ħwejjeġ li nilbsu, il-lożor li norqdu fihom, ix-xugamani li nixxuttaw bihom u l-għamara li npoġġu fuqha. Is-sustanzi kimiċi jiżdiedu ma’ dawn il-prodotti għal diversi raġunijiet biex itejbuhom, iżda f’xi persuni dawn jistgħu jikkawżaw effetti tas-saħħa inkwetanti, inklużi allerġiji.

Il-firxa, il-kulur u n-nisġa tad-drappijiet jiddependu mill-kreattività tal-manifatturi, mill-proċessi ta’ manifattura li jgħaddu minnhom u mis-sustanzi kimiċi użati. Waqt il-proċess ta’ manifattura, it-tessuti jgħaddu minn firxa ta’ trattamenti kimiċi u mhux kimiċi - inklużi preparazzjoni u trattament minn qabel, żebgħa, stampar u rfinar tad-drappijiet.

Is-sustanzi kimiċi għandhom skopijiet differenti

Tista’ ssib varjetà kbira ta’ sustanzi kimiċi fit-tessuti u fl-ilbies. Xi wħud jintużaw biex jagħtu ċertu effett lill-prodott - pereżempju, il-bijoċidi biex iwaqqfu milli tikber il-moffa fuq iż-żraben, iż-żebgħa biex tagħti lill-ħwejjeġ kuluri speċifiċi, u r-repellenti tal-ilma biex jagħmlu l-ilbies ta’ barra aktar prattiku. Xi drabi jiżdiedu sustanzi kimiċi speċjali biex jiġi żgurat li l-ħwejjeġ ma jitkemxux jew ma jimmoffawx waqt perjodi twal ta’ trasport. Xi ħwejjeġ u żraben fihom aġenti li joqtlu l-batterji biex jiġġieldu kontra riħa tinten. It-tessuti jista’ jkun fihom ukoll żjut u griż, lamtu, żjut sulfonati, xama’ u xi tensjoattivi.

It-tessuti għall-ħwejjeġ xi drabi jiġu wkoll irfinati b’sustanzi kimiċi, pereżempju, biex iwebbsuhom u jagħmluhom mingħajr tikmix. Is-sustanzi kimiċi fin-nanoforom tagħhom qegħdin jgħinu biex jagħmlu t-tessuti aktar reżistenti għall-ilma, it-tbajja’, it-tikmix, il-batterji u l-moffa.

Xi wħud mis-sustanzi kimiċi jistgħu jagħmlu l-ħsara. Pereżempju:

  • Il-formaldeid u l-latex jistgħu jikkawżaw reazzjonijiet allerġiċi.
  • Stampar tal-flokkijiet tan-nofs komma, żraben jew basktijiet tal-plastik b’partijiet tal-plastik rotob jista' jkollhom ftalati, sustanzi li jrattbu l-plastik. Xi wħud minnhom jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħila tagħna li nirriproduċu.
  • Żippijiet jew partijiet oħra tal-metall jista’ jkun fihom in-nikil, li jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi.
  • Prodotti tal-ġilda jista’ jkun fihom kromu VI, li jista’ jagħti bidu għal reazzjoni allerġika.
  • Ċerti sustanzi taż-żebgħa jistgħu jagħmlu ħsara lil saħħitna.

It-tnaqqis tas-sustanzi kimiċi perikolużi fit-tessuti

L-UE qiegħda tillimita jew tipprojbixxi bosta sustanzi kimiċi perikolużi li ilhom jintużaw fit-tessuti għal snin twal, pereżempju kuluri tal-azo (li jinstabu fit-tessuti u fi prodotti tal-ġilda), ċerti sustanzi taż-żebgħa (tessuti u prodotti tal-ġilda), kromu VI (prodotti tal-ġilda), dimetilfumarat (DMF, li jintuża biex jipprevjeni l-moffa) jew ċerti ftalati (tessuti, żraben tal-plastik).

Bosta manifatturi tat-tessuti qegħdin ukoll inaqqsu n-numru ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti tagħhom.

Pariri għall-konsumaturi

  • Aħsel it-tessuti ġodda qabel l-użu.
  • Ikkunsidra tessuti b’ekotikketti uffiċjali, pereżempju, l-ekotikketta tal-UE. It-tessuti li jkollhom tikketta bħal din ikunu ġew prodotti b’użu limitat ta’ sustanzi kimiċi ta’ ħsara.
  • Uża d-dritt tiegħek li tistaqsi jekk it-tessuti li tixtri fihomx sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jaqbeż ċertu limitu.

Aqra aktar