Effetti fuq organiżmi akwatiċi - Chemicals In Our Life

Effetti fuq organiżmi akwatiċi

Aħna nillimitaw l-emissjonijiet iżda ħafna sustanzi kimiċi użati llum il-ġurnata xorta jispiċċaw fl-ambjent tagħna u fil-lagi, fix-xmajjar u fl-oċeani. Ħafna sustanzi kimiċi ma jikkawżawx ħsara iżda mhux sorprendenti li sustanzi kimiċi li huma ta’ ħsara għall-bnedmin jistgħu jkunu wkoll ta’ ħsara għall-ambjent u għall-annimli li jgħixu f’ekosistemi akwatiċi.

Hawnhekk fl-Ewropa, il-maġġoranza tagħna nqisu l-ilma, l-arja nadifa u n-natura mhux imniġġsa qisu xejn mhu xejn. Madankollu r-realtà hija li sustanzi kimiċi perikolużi jistgħu jiġu rilaxxati fl-ambjent naturali tagħna jekk dawn ma jiġux ikkontrollati kif xieraq. Dawn is-sustanzi tossiċi jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħut u lill-ħajja selvaġġa u jirriżultaw f’effetti ekoloġiċi fit-tul.

X’inhi tagħmel l-UE?

Minarra li titlob li s-sustanzi jiġu kklassifikati bħala perikolużi u tikkettati sabiex il-konsumaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jużawhom b’mod sikur, l-UE tieħu miżuri aktar b’saħħithom meta r-riskji jkunu ta’ livell għoli mhux aċċettabbli.

Eżempju huwa n-neodekanoat tal-epossipropil (EPDA) li jintuża fiż-żebgħa, fil-verniċ, fl-adeżivi u fil-materjali tal-konstruzzjoni. Dan jintuża prinċipalment mill-ħaddiema iżda jista’ jinstab ukoll fi prodotti tal-kisi għall-użu mill-konsumatur bħall-verniċ tal-injam u ż-żebgħa.

Abbażi tal-evidenza, issa nafu li dan huwa tossiku għall-organiżmi akwatiċi, huwa suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi fit-tfal u jista’ wkoll jikkawża reazzjonijiet allerġiċi tal-ġilda.

Dan wassal biex l-EPDA jiġi kklassifikat bħala sustanza mutaġenika - li jfisser li dan jista’ jagħmel ħsara lill-ġeni tagħna. Meta sustanza tkun tassew perikoluża, il-kumpaniji li jipproduċuha, jimpurtawha jew jużawha għandhom jirrispettaw regoli stretti biex jipproteġu l-ambjent u l-ħaddiema. Pereżempju, hemm regoli stretti għall-imballaġġ tal-EPDA, li għandu jindika l-perikli tas-sustanza b’mod ċar. B’aktar informazzjoni, l-impjegaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom aħjar u jnaqqsu kwalunkwe ħsara lill-ambjent meta jkunu qegħdin jittrattaw is-sustanza.

Il-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa tal-ilma tas-superfiċje

Eżempju ieħor konkret huma l-etossilati tan-nonilfenol (NPEs). Dawn huma sustanzi li jintużaw f’ċerti tessuti u huma ta’ riskju għall-ambjent, speċjalment għal speċijiet akwatiċi li jgħixu fl-ilma tas-superfiċje. Dawn jiġu rilaxxati fl-ambjent matul il-ħasil ta’ tessuti. L-NPEs jintużaw fil-ħwejjeġ iżda anke f’tipi ta’ aċċessorji differenti, tessuti interni, fibri, raden, drappijiet u pannelli meħjutin.

Minħabba l-ħsara lill-ambjent, il-grupp ta’ sustanzi huwa ristrett taħt REACH u wara t-3 ta’ Frar 2012 mhux permess li jitqiegħed fis-suq f’livell aktar minn ċertu limitu f’tessuti li mistennija jinħaslu fl-ilma

Alternattivi ekoloġiċi

Il-protezzjoni tal-ambjent mit-tniġġis hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex hemm ir-Regolament REACH. Għall-ECHA u REACH, li l-industrija titħeġġeġ biex tissostitwixxi sustanzi perikolużi b’oħrajn inqas ta’ ħsara, hija prijorità ewlenija.

Is-solventi tal-idrokarburi huma sustanzi li jintużaw fi prodotti ta’ kuljum bħaż-żebgħa u t-tajers. Sfortunatament, dawn jistgħu jaffettwaw ukoll l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem. Kumpanija partikolari kienet qiegħda tagħmel riċerka dwar alternattivi favur l-ambjent għal solventi tal-idrokarburi tradizzjonali taħt l-eżenzjoni ta’ riċerka u żvilupp f’REACH.

Ir-riċerka tagħhom irriżultat f’sustanzi ġodda li huma inqas persistenti fl-ilma u li hemm probabbiltà li huma anke bijodegradabbli. Dawn l-alternattivi ġodda u aktar ekoloġiċi qegħdin jitqiegħdu fis-suq għal kumpaniji li jixtiequ jnaqqsu l-impatt tagħhom fuq in-natura.

Fl-Ewropa aħna għandna wkoll Direttiva Qafas dwar l-Ilma li tiġbor il-leġiżlazzjoni ambjentali kollha u tiżgura li jkollna objettiv ċar għal ilmijiet nodfa. Jekk inti interessat, tista’ taqra aktar dwar il-leġiżlazzjoni billi ssegwi l-link hawn taħt.

Aqra aktar