L-interferenti endokrinali u s-saħħa tagħna - Chemicals In Our Life

L-interferenti endokrinali u s-saħħa tagħna

L-interferenti endokrinali jista’ jkun li qed jikkawżaw effetti serji fuq is-saħħa bħal infertilità, kanċer u disturbi fl-iżvilupp pereżempju disturbi konġenitali. Iżda fejn jintużaw u x’inhu jsir biex aħna niġu protetti?

Is-sistema endokrinali hija netwerk kumpless ta’ komunikazzjoni bejn is-sistema nervuża u funzjonijiet tal-ġisem ewlenin bħar-riproduzzjoni, l-immunità, il-metaboliżmu u l-imġiba.

Studji jissuġġerixxu li xi sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema ormonali tagħna jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-metaboliżmu, l-iżvilupp, l-irqad u anke l-burdata tagħna. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sustanzi kimiċi - magħrufa bħala interferenti endokrinali - huma magħmula mill-bniedem u jinsabu f’materjali bħal pestiċidi, metalli u addittivi jew bħala kontaminanti fl-ikel u l-kożmetiċi.

L-effetti negattivi fuq is-saħħa kkawżati mill-interferenti endokrinali jinkludu ammonti dejjem jonqsu ta’ sperma u kanċer fit-testikoli fl-irġiel, effetti fis-sistema newroloġika u dik immunitarja, u żieda fin-numru ta’ tfal subien li jitwieldu b’malformazzjonijiet ġenitali. Fil-fatt proporzjon kbir ta’ rġiel żgħażagħ - sa 40 % f’ċerti pajjiżi - instab li kellhom kwalità ta’ semen baxxa, li tnaqqas il-kapaċità tagħhom li jkollhom it-tfal.

Riċerka riċenti wriet ukoll li l-interferenti endokrinali jistgħu jaffettwaw is-sistemi li jikkontrollaw l-iżvilupp tax-xaħam tal-ġisem u ż-żieda fil-piż. Barra minn hekk, iż-żieda fir-rati ta’ disturbi newrokomportamentali bħad-dislessija, id-diżabilità intellettwali, l-awtiżmu u l-ADHD ġiet marbuta mal-esponiment għall-interferenti endokrinali.

Aħna nistgħu niġu esposti għal interferenti endokrinali permezz tal-ikel, it-trab, l-ilma u billi niġbdu man-nifs gassijiet u partikuli fl-arja, jew sempliċement permezz ta’ kuntatt mal-ġilda, pereżempju meta napplikaw prodotti tal-kura personali.

Xi drabi, l-effetti kkawżati minn sustanza li tfixkel is-sistema endokrinali jidhru biss ħafna wara li jkun seħħ l-esponiment. Pereżempju, l-esponiment tal-feti għal tali sustanzi jista’ jikkawża effetti avversi fuq is-saħħa meta dawn isiru adulti. Dawn l-effetti jistgħu jintirtu wkoll minn ġenerazzjonijiet futuri.

Inti tista' ssib sustanzi li huwa ssuspettat li huma interferenti endokrinali fi prodotti ta’ kuljum bħal fliexken tal-plastik, ġugarelli, kontenituri tal-ikel magħmula mill-metall, apparati elettroniċi, kożmetiċi, pestiċidi u deterġenti.

The views presented in the video do not necessarily represent the official position of the European Chemicals Agency.
The video interview is from the ‘People and perspectives’ section of ECHA’s newsletter issue February 2018

X’inhi tagħmel dwar dan l-UE?

L-UE qed tieħu azzjoni fuq ħafna livelli differenti, mir-riċerka għar-regolazzjoni, u qiegħda tidentifika b’mod attiv l-interferenti endokrinali. Numru dejjem jikber ta’ sustanzi kimiċi qegħdin jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) minħabba l-karatteristiċi tagħhom li jfixklu s-sistema endokrinali.

Waħda minn dawn is-sustanzi kimiċi hija l-bisfenol A (BPA). Il-BPA jinsab fil-Lista ta’ Kandidati ta’ sustanzi għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament REACH minħabba li huwa tossiku għar-riproduzzjoni u minħabba l-karatteristiċi tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali. Qabel ma l-BPA ġie identifikat formalment bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna minħabba l-karatteristiċi tiegħu li jfixklu s-sistema endokrinali, diġà kien ġie deċiż li dan jiġi pprojbit fil-karta termali, fejn jintuża bħala żviluppatur tal-koloranti. Dan jista’ jinstab fuq irċevuti tal-bejgħ minn ħwienet u biljetti tat-trasport pubbliku u tal-parkeġġ. Il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ fl-2020 u tagħti lill-kumpaniji ż-żmien biex jeliminaw b’mod gradwali l-użu tal-BPA u jsibu alternattivi aktar siguri.

Mill-1 ta’ Ġunju 2011, il-BPA ġie pprojbit mill-fliexken għall-għoti tal-ikel lit-trabi fl-UE kollha. Il-BPA huwa permess għall-użu f’materjali li jiġi f’kuntatt mal-ikel fl-UE, iżda hemm ammont massimu li huwa permess li jiskula mill-materjal. Barra minn hekk, xi Stati Membri imponew aktar restrizzjonijiet fuq prodotti li fihom il-BPA.

Il-ftalati huma sustanzi kimiċi li spiss jintużaw biex iżidu u jżommu l-flessibbiltà tal-plastiks tal-vinil. DEHP, DBP, DIBP u BBP huma erba’ ftalati li żdiedu mal-Lista ta’ Kandidati ta’ SVHCs minħabba l-karatteristiċi tagħhom li jfixklu s-sistema endokrinali. Għal dawn il-ftalati u oħrajn ir-restrizzjonijiet jinsabu fis-seħħ jew għadhom qegħdin isiru.

L-UE kontinwament taħdem biex tidentifika sustanzi kimiċi perikolużi inklużi interferenti endokrinali u biex tkun żgura li dawn jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar siguri. Il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi kimiċi b’karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali fil-prodotti bijoċidali ntlaħaq qbil dwarhom fil-livell tal-UE. Il-kriterji jibdew japplikaw minn Ġunju 2018.

Segwi l-links ta' hawn taħt biex tiskopri aktar dwar eżempji ta’ sustanzi li huma identifikati bħala interferenti endokrinali:

Aqra aktar