Skip to Content

L-ewwel għajnuna għall-esponiment għal sustanzi kimiċi

Il-veleni huma sustanzi li jagħmlulek il-ħsara meta tiblagħhom, tiġbidhom man-nifs jew jiġu f’kuntatt mal-ġilda tiegħek jew m’għajnejk. Anke jekk toqgħod attent ħafna u tkun żgur li s-sustanzi kimiċi tiegħek qegħdin maħżuna fejn ma tistax tilħaqhom, xorta jista’ jkun hemm esponiment. Jekk dan iseħħ, iċ-ċentru nazzjonali ta’ kontra l-veleni tiegħek qiegħed hemm biex jgħinek.

F’kull Stat Membru tal-UE, hemm ċentri ta’ kontra l-veleni li jirċievu informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jinsabu f’taħlitiet perikolużi (pereżempju żebgħat, deterġenti u adeżivi) mingħand importaturi jew utenti downstream li jqegħduhom fis-suq tal-UE.

B’din l-informazzjoni, iċ-ċentri ta’ kontra l-veleni jistgħu jgħinu lill-konsumaturi, lit-tobba u lill-utenti professjonali billi jagħtuhom pariri mediċi meta jkun hemm avvelenar kimiku.

Kull sena, madwar nofs it-telefonati li jirċievu ċ-ċentri Ewropej ta’ kontra l-veleni jsiru minħabba tfal li aċċidentalment jiġu esposti għal sustanzi kimiċi. Għalhekk, kun żgur li ma tħallix xi prodotti li fihom sustanzi kimiċi f’postijiet fejn it-tfal tiegħek jista’ jkollhom aċċess għalihom.

Kif tevita avvelenar f’darek?

X’għandek tagħmel X’ma għandekx tagħmel
Dejjem aqra t-tikketta ta’ twissija u segwi l-istruzzjonijiet dwar is-sigurtà. QATT tħallat prodotti domestiċi waqt it-tindif, minħabba li jistgħu jiġu rilaxxati dħaħen velenużi.
Żomm il-prodotti u l-mediċini kollha fil-kontenituri oriġinali tagħhom u ’l bogħod minn fejn jistgħu jilħquhom it-tfal. QATT tittrasferixxi sustanzi kimiċi jew mediċini domestiċi f’kontenituri differenti.
Ftakar li l-vitamini, il-pilloli tal-ħadid u l-mediċini erbali huma mediċini wkoll u jistgħu jkunu perikolużi għal tfal żgħar. QATT tneħħi t-tikketti minn fuq sustanzi kimiċi domestiċi jew fliexken tal-mediċina.
Jekk xi ħadd isejjaħlek waqt li tkun qed tuża prodott, dejjem ara li tpoġġi l-għatu lura fuq il-kontenitur u tqiegħdu f’post sigur. QATT tieħu mediċini quddiem it-tfal tiegħek, minħabba li dawn jistgħu jippruvaw jikkupjawk għaliex jaħsbu li huma ħelu.

Kif iżżomm ruħek sigur fuq ix-xogħol

Is-sustanzi kimiċi jistgħu jinsabu kważi f'kull post tax-xogħol. Fl-Ewropa kollha, miljuni ta’ ħaddiema jiġu f’kuntatt ma’ sustanzi kimiċi u aġenti bijoloġiċi li jistgħu jagħmlulhom ħsara.

Xi sustanzi kimiċi perikolużi - bħall-asbestos, li jikkawżaw il-kanċer tal-pulmun u mard respiratorju ieħor - issa huma pprojbiti jew jinsabu taħt kontroll strett. U fejn sustanzi kimiċi perikolużi oħra għadhom qed jintużaw, leġiżlazzjoni dwar is-saħħa okkupazzjonali u s-sigurtà qiegħda fis-seħħ għall-ġestjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

Skont din il-leġiżlazzjoni, l-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji kollha fuq il-post tax-xogħol, inklużi r-riskji ta’ esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi. L-impjegaturi jridu jidentifikaw ukoll miżuri għall-ġestjoni tar-riskji u jimplimentawhom. Għar-riskji relatati ma’ sustanzi kimiċi perikolużi, l-impjegaturi jistgħu jużaw l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà bħala sors ta’ informazzjoni.

L-iskedi ta’ data ta’ sigurtà huma dokumenti li jagħtu informazzjoni dwar il-perikli tal-prodott u pariri dwar il-prekawzjonijiet li l-ħaddiema jenħtieġ li jieħdu biex jużaw il-prodott b’mod sigur. Il-manifatturi u l-fornituri ta’ sustanzi kimiċi perikolużi jeħtieġ li jipprovdu skedi ta’ data ta’ sigurtà lill-konsumaturi professjonali u industrijali tagħhom.

L-iskedi ta’ data’ ta’ sigurtà fihom aktar informazzjoni dettaljata dwar il-perikli mit-tikketta tal-prodott u jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati l-perikli tas-sustanza kimika li tuża u biex tipproteġi lilek innifsek minn dawn il-perikli, filwaqt li jipprovdu pariri dwar kif tittratta prodott b’mod sigur u x’tagħmel f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

It-Taqsima 4 tal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà hija ddedikata għal miżuri tal-ewwel għajnuna. L-informazzjoni tispjega x’għandek tagħmel f’każ li impjegat jiġbed man-nifs sustanza kimika, jiblagħha jew jekk din tiġi f’kuntatt mal-ġilda tiegħu jew m’għajnejh. Din tagħti wkoll informazzjoni dwar sintomi possibbli u effetti u trattamenti akuti jew imdewma.

Aqra aktar


Route: .live2