Is-sustanzi kimiċi u t-tibdil fil-klima - Chemicals In Our Life

Is-sustanzi kimiċi u t-tibdil fil-klima

Fuq skala globali, qed nużaw aktar enerġija minn qatt qabel, u dan qed ikollu effetti serji fuq il-klima tad-dinja. Iżda, filwaqt li r-rilaxx ta’ ċerti sustanzi kimiċi fl-ambjent jista’ jaċċellera t-tibdil fil-klima, is-sustanzi kimiċi huma wkoll parti mis-soluzzjoni.

Il-bżonn tagħna għall-enerġija qatt ma kien daqshekk qawwi. Globalment nużaw aktar enerġija minn qatt qabel, u d-domanda qiegħda tikbar b’rata mgħaġġla ħafna. L-espansjoni ekonomika ta’ ekonomiji ta’ swieq emerġenti, it-tkabbir fil-popolazzjoni u l-użu dejjem jiżdied tagħna ta’ apparati li jikkunsmaw l-enerġija huma fost l-aktar fatturi kontribwenti importanti.

L-effett serra

Ir-radjazzjoni solari tikkonsisti mid-dawl viżibbli kif ukoll mill-ultravjola, l-infraaħmar u tipi oħra ta’ radjazzjoni inviżibbli għall-għajn tal-bniedem.

Kważi terz tar-radjazzjoni li tolqot l-atmosfera tad-dinja tiġi riflessa lura fl-ispazju mis-sħab, mis-silġ, mill-borra, mir-ramel u minn superfiċji riflessivi oħra. Iż-żewġ terzi l-oħra jiġu assorbiti mis-superfiċje tad-dinja u l-atmosfera. Hekk kif l-art, l-oċeani u l-atmosfera jisħnu, dawn jerġgħu jemettu l-enerġija bħala radjazzjoni termali infraħamra, li tgħaddi mill-atmosfera.

Il-gassijiet li jżommu s-sħana bħad-diossidu tal-karbonju (CO2) jassorbu din ir-radjazzjoni infraħamra u ma jħalluhiex tinħela fl-ispazju, biex b’hekk iwasslu għal dak li aħna nafu bħala l-effett serra.

L-akkumulazzjoni tas-CO2 u gassijiet serra oħra fl-atmosfera hija l-motivatur dominanti tat-tibdil fil-klima riċenti.

Gassijiet serra magħmula mill-bniedem

Is-CO2 huwa stmat li huwa responsabbli minn 64 % tat-tisħin globali kkawżat mill-bniedem. Gassijiet serra oħra jiġu rilaxxati f’ammonti ħafna iżgħar iżda xorta jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-effett ta’ tisħin globali, minħabba li huma gassijiet li jżommu s-sħana ħafna aktar potenti mis-CO2. Fost dawn hemm il-metan (CH4), li huwa responsabbli minn 17 % tat-tisħin globali kkawżat mill-bniedem u l-ossidu nitruż (N2O), li jikkontribwixxi għal 6 % mill-effett.

Il-gassijiet serra kkawżati mill-bniedem u s-sorsi l-oħra tagħhom huma:

  • is-CO2 mill-ħruq ta’ fjuwils fossili (faħam, żejt u gass) - għall-użu fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, it-trasport, l-industrija u l-unitajiet domestiċi - u bidliet fl-użu tal-art bħad-deforestazzjoni;
  • is-CH4 mill-agrikoltura u r-rimi f’miżbla ta’ skart;
  • gassijiet fluworurati b’effett serra - bħall-idrofluworokarburi (HFCs), il-perfluworokarburi (PFCs), l-eżafluworur tal-kubrit (SF6) u t-trifluworur tan-nitroġenu (NF3) - użati fl-industrija.

X’inhi tagħmel l-UE biex ittaffi t-tibdil fil-klima?

L-UE qed tieħu azzjoni fuq ħafna livelli. Eżempju wieħed jirrigwarda l-gassijiet fluworurati li qed jikkontribwixxu anqas mis-CO2 iżda xorta waħda huma punt ta’ tħassib fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Dawn jintużaw f’diversi tipi ta’ prodotti, bħal f’tagħmir tar-refriġerazzjoni, tal-arja kundizzjonata u tal-pompi tas-sħana. Eżempji oħra huma l-PFCs użati fl-industriji tal-kożmetiċi u tal-mediċini, u l-SF6 użat fil-gass iżolant.

Filwaqt li l-gassijiet fluworurati jiġu rilaxxati fl-atmosfera fi kwantitajiet iżgħar minn gassijiet serra oħra, dawn huma potenti ħafna - jipproduċu effett ta’ tisħin 23 000 darba akbar minn dak tas-CO2.

Għal din ir-raġuni l-UE ddeċidiet li tikkontrolla l-użu tagħhom. Ir-regolament tal-UE dwar il-gassijiet serra fluworurati għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-Unjoni b’żewġ terzi meta mqabbel mal-livelli tal-2014. Din l-inizjattiva hija parti mill-objettiv globali tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 80-95 % fl-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990.

Is-sustanzi kimiċi jinsabu kullimkien - bħala parti mis-soluzzjoni wkoll

Is-sustanzi kimiċi mhumiex biss parti mill-problema - huma wkoll parti mis-soluzzjoni. Sorsi tal-enerġija sostenibbli bħall-enerġija solari jiddependu mill-innovazzjoni kimika bl-użu, pereżempju, ta’ nanomaterjali.

Waħda mill-isfidi ewlenin tal-enerġija rinnovabbli hija kif għandha tiżdied il-vijabbiltà tagħha bl-għajnuna ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin tal-enerġija. Pereżempju, il-pannelli solari għandhom l-aħjar kundizzjonijiet fid-deżert, iżda dan mhux fejn jgħixu l-aktar nies. L-imtieħen jipproduċu wkoll l-enerġija matul il-lejl, li huwa meta l-konsum tal-enerġija tagħna jkun l-aktar baxx. Fi kliem ieħor, it-teknoloġiji biex jittejbu l-ħżin tal-enerġija u t-trasport huwa wieħed mill-oqsma importanti ta’ riċerka fejn hija meħtieġa l-innovazzjoni.

Aqra aktar