Il-glifosat - Chemicals In Our Life

Il-glifosat

Il-glifosat huwa wieħed mis-sustanzi l-aktar attivi użati b’mod komuni fil-pestiċidi biex jipprevjeni t-tkabbir ta’ pjanti mhux mixtieqa madwar l-għelejjel mħawla jew biex joqtol il-pjanti jew partijiet mill-pjanti. Ħafna drabi dawn is-sustanzi jissejħu “erbiċidi” jew “sustanzi li jeqirdu l-ħaxix ħażin”.

Il-glifosat jintuża fl-agrikoltura u fl-ortikoltura biex jiġġieled il-ħaxix ħażin qabel iż-żrigħ. Fejn jitkabbru pjanti ġenetikament modifikati b’reżistenza għall-glifosat, is-sustanza tintuża wkoll wara ż-żrigħ biex toqtol il-ħaxix ħażin li jkun qiegħed jikber fost l-għelejjel. Din il-prattika madankollu ma sseħħx fl-Unjoni Ewropea.

X’qiegħda tagħmel l-ECHA dwar il-glifosat?

L-ECHA tiġġestixxi l-liġi dwar il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar tas-sustanzi u tat-taħlitiet. Din il-liġi tirregola l-mod li bih is-sustanzi jiġu vvalutati u ttikkettati, abbażi tal-karatteristiċi perikolużi li jista’ jkollhom - pereżempju veleni, sustanzi fjammabbli, sustanzi korrużivi u l-bqija.

Għal ċerti sustanzi, bħall-pestiċidi, tista’ tittieħed deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni fil-livell tal-UE biex tapplika fl-Ewropa kollha. Fil-prattika, dan ifisser li ser ikun hemm il-ħtieġa ta’ tikkettar rilevanti li jwissi lill-konsumaturi dwar kull prodott li fih is-sustanza.

L-Istitut Federali Ġermaniż għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (BAuA) ippropona li l-glifosat jenħtieġ li jkollu klassifikazzjoni armonizzata addizzjonali għal tossiċità speċifika għall-organi fil-mira wara esponiment ripetut (minbarra l-klassifikazzjonijiet armonizzati eżistenti). Kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni CLP, l-ECHA stiednet lill-partijiet ikkonċernati biex jikkummentaw dwar din il-proposta f’konsultazzjoni pubblika, li għalqet fit-18 ta’ Lulju 2016.