X’tajjeb li tkun taf dwar iż-żebgħa tax-xagħar - Chemicals In Our Life

X’tajjeb li tkun taf dwar iż-żebgħa tax-xagħar

Aktar minn 60 % tan-nisa Ewropej u sa 10 % tal-irġiel jiżbgħu xagħarhom. L-UE huwa s-suq l-aktar sigur fid-dinja għaż-żebgħa tax-xagħar. Xorta waħda, il-prodotti fihom bosta sustanzi kimiċi u jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika.

Il-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar kollha fl-UE jridu jikkonformaw mar-regolament dwar il-kożmetiċi, li jelenka l-ingredjenti koloranti li huma permessi li jintużaw, iżda wkoll dawk li huma pprojbiti. Aktar minn 100 żebgħa tax-xagħar ġew meqjusa bħala siguri u permessi għall-użu. Aktar minn 180 ingredjent ġew ipprojbiti.

Il-manifatturi tal-kożmetiċi huma meħtieġa bil-liġi li jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu għaddew minn valutazzjoni xjentifika tas-sigurtà tagħhom qabel jinbiegħu. Dawn jeħtieġ li jippreżentaw l-informazzjoni tal-valutazzjoni lill-awtoritajiet Ewropej permezz ta’ portal tan-notifika dwar il-prodotti kożmetiċi, billi juru li s-sustanza użata fil-prodott ma toħloqx riskju għas-saħħa. Il-kumitati xjentifiċi tal-Kummissjoni jivvalutaw ir-riskju.

Differenzi fil-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar

Żebgħa tax-xagħar temporanja u semipermanenti tintuża għal tibdil temporanju fil-kulur. Il-prodotti jiksulek xagħrek u jmorru mal-ilma meta taħsel xagħrek bix-xampù.

Żebgħa tax-xagħar permanenti hija reżistenti għal ħasil tax-xagħar bix-xampù u l-kuluri tagħha jitilqu mix-xagħar maż-żmien. Iż-żebgħa ma tiksix ix-xagħar, il-kuluri jiġu ffurmati bħala riżultat ta’ reazzjoni kimika - spiss permezz tal-perossidu tal-idroġenu. Dawn jirrappreżentaw 70-80 % tal-prodotti koloranti fl-Ewropa.

Differenza oħra tiddependi mill-kulur finali li ser tikseb: żebgħa biex tipproduċi kuluri tax-xagħar aktar skuri tuża konċentrazzjonijiet aktar qawwija ta’ sustanzi kimiċi miż-żebgħa għal kuluri aktar ċari. Għalhekk, aktarx int tiġi espost/a għal ammont ogħla ta’ sustanzi kimiċi.

Ir-riskju ta’ allerġija huwa aktar baxx jekk minflok tiżbogħ xagħrek kollu, tiżbogħ biss partijiet minnu, pereżempju fi strixxi. Dan minħabba li ż-żebgħa tax-xagħar tiġi f’inqas kuntatt mal-ġilda tiegħek.

Rabta mal-kanċer?

Riċerka kontinwa dwar l-użu taż-żebgħa tax-xagħar u l-kanċer ipproduċiet riżultati mhux konklużivi. Xi studji epidemjoloġiċi ssuġġerew li l-parrukkiera u l-barbiera, li huma l-aktar esposti għaż-żebgħa tax-xagħar, għandhom inċidenza ogħla ta’ kanċer tal-bużżieqa tal-awrina. Madankollu, studji oħra, b'mod partikolari fl-Ewropa, ikkontradixxew dawn is-sejbiet. Pereżempju, analiżi riċenti li kkunsidrat l-istudji kollha ppubblikati preċedentement uriet li m’hemm l-ebda riskju addizzjonali ta’ kanċer tal-bużżieqa tal-awrina minn użu personali taż-żebgħa tax-xagħar.

Prodotti magħmula qabel is-snin tmenin kien fihom sustanzi kimiċi li nstab li jikkawżaw il-kanċer fl-annimali. Minn dakinhar, il-manifatturi ssostitwixxewhom b’sustanzi aktar siguri.

Aqra aktar