Kif jiġu kkontrollati s-sustanzi kimiċi? - Chemicals In Our Life

Kif jiġu kkontrollati s-sustanzi kimiċi?

Il-ħajja ma tkunx teżisti mingħajr sustanzi kimiċi - dawn huma preżenti fina, madwarna, u f’kull prodott li nixtru. L-Unjoni Ewropea għandha l-aktar liġijiet ambizzjużi dwar is-sustanzi kimiċi fid-dinja biex jipproteġuna. Kemm il-kumpaniji kif ukoll l-awtoritajiet għandhom rwol x’jaqdu fit-titjib tas-sigurtà.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sustanzi kimiċi għandha l-għan li tipproteġi lilna u lill-ambjent minn sustanzi kimiċi perikolużi. Fl-istess waqt, din għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ il-kompetittività u l-innovazzjoni tal-industrija Ewropea u tippromwovi alternattivi għall-ittestjar tas-sustanzi kimiċi fuq l-annimali.

L-erba’ partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi huma:

Ir-Regolament REACH: Ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi

Skont REACH, il-kumpaniji jeħtieġu jipprovdu informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jimmanifatturaw jew jimportaw. Jekk sustanza kimika ma tkunx tista’ tintuża b’mod sigur, l-awtoritajiet jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri sabiex jimmaniġġjaw ir-riskji tagħha.

Ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettjar u l-Imballaġġ (CLP)

Din il-liġi tiżgura li l-perikli tas-sustanzi kimiċi jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-ħaddiema u lill-konsumaturi. Dan jiġri permezz ta’ tikketti u dikjarazzjonijiet u pittogrammi standardizzati.

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR)

Il-prodotti bijoċidali, bħad-diżinfettanti u r-repellenti tal-insetti, jipproteġu lilna jew lil diversi materjali kontra mikro-organiżmi li jagħmlu l-ħsara. Din il-liġi tiżgura li jkollna biżżejjed informazzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw dawn il-prodotti b’mod sigur.

Ir-Regolament dwar il-Kunsens Infurmat minn Qabel (PIC)

Dan ir-regolament jistabbilixxi linji gwida għall-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi.

Barra minn hekk, bosta aktar liġijiet jirregolaw l-użu tas-sustanzi kimiċi. Gruppi speċifiċi ta’ sustanzi kimiċi, bħal pestiċidi, farmaċewtiċi jew kożmetiċi, huma koperti mil-leġiżlazzjoni tagħhom stess.

Il-kumpaniji jridu juru prova li s-sustanzi kimiċi tagħhom huma siguri biex jintużaw.

Fl-UE, il-kumpaniji li jimmanifatturaw jew jimportaw is-sustanzi kimiċi jeħtieġu li jagħtu prova li s-sustanzi kimiċi tagħhom huma siguri biex jintużaw. Dawn jeħtieġu jirreġistrawhom mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-ECHA, inkella ma jkunux jistgħu jbigħuhom fl-UE.

Il-kumpaniji għandhom jipprovdu informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tagħhom fir-rigward tal-karatteristiċi perikolużi tagħhom u kif dawn jistgħu jintużaw b’mod sigur. Dawn jeħtieġu wkoll li jinfurmaw lill-konsumaturi tagħhom fil-katina tal-provvista kif ir-riskji li jinħolqu mis-sustanzi kimiċi tagħhom jistgħu jiġu mmaniġġjati. Jekk sustanza kimika ma tkunx tista’ tintuża b’mod sigur, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-użu tagħha jew jagħmluha soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel. Dan ipoġġi pressjoni fuq il-kumpaniji li jissostitwixxu l-aktar sustanzi kimiċi perikolużi b’alternattivi aktar siguri.

Il-kumpaniji jeħtieġ li jidentifikaw kwalunkwe karatteristika perikoluża li għandhom is-sustanzi kimiċi tagħhom li jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent. Dawn għandhom jikklassifikawhom kif xieraq - pereżempju, bħala li jikkawżaw il-kanċer jew li huma tossiċi għall-ħajja fix-xmajjar u fl-ibħra. Is-sustanzi kimiċi jeħtieġ ukoll li jiġu ttikkettjati kif xieraq bil-pittogrammi t-tajbin u spjegazzjonijiet dwar kif jiġu mmaniġġjati b’mod sigur.

B’dan il-mod, il-ħaddiema u l-konsumaturi jistgħu jifhmu l-effetti tas-sustanzi kimiċi, jagħmlu għażliet infurmati dwar il-prodotti li jixtru u jużawhom b’mod sigur.

X’tagħmel l-ECHA?

L-ECHA timmaniġġja l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li tiġi pprovduta mill-industrija. Din tippubblika informazzjoni dwar sustanzi kimiċi rreġistrati u dwar kif dawn jiġu kklassifikati u ttikkettjati. Din id-data hija disponibbli bla ħlas fuq is-sit web tal-ECHA għal kulħadd - hija bażi ta’ data unika li tinkludi informazzjoni dwar eluf ta’ sustanzi kimiċi li jintużaw kuljum fl-Ewropa. Is-sit web għandu wkoll informazzjoni dwar il-bijoċidi.

L-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tiġi skrinjata u l-Aġenzija tivverifika, pereżempju, liema jintużaw ħafna b’mod li l-konsumaturi jew il-ħaddiema jistgħu jiġu esposti għalihom. L-ECHA tevalwa l-informazzjoni dwar is-sigurtà kimika mill-industrija u titlob aktar data jekk ikun hemm informazzjoni importanti nieqsa. Abbażi tal-informazzjoni, l-ECHA, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jimmaniġġjaw ir-riskji li joħolqu s-sustanzi kimiċi perikolużi - dan jista’ jfisser, pereżempju, ir-restrizzjoni ta’ xi użu jew tal-użu kollu tagħhom. Permezz ta’ titjib fl-għarfien u fis-sensibilizzazzjoni, is-sustanzi kimiċi l-aktar perikolużi gradwalment ser jiġu sostitwiti b’oħrajn aktar siguri.

L-immaniġġjar tar-riskji tas-sustanzi kimiċi

Ir-restrizzjonijiet jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn riskji li joħolqu s-sustanzi kimiċi fl-UE. Dawn jistgħu jillimitaw il-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu speċifiku ta’ sustanza. Ir-restrizzjonijiet jistgħu wkoll jipprojbixxu l-użu kollu jew użu speċifiku ta’ sustanza.

Ikklikkja biex tara l-infografika

Ikklikkja biex tara l-infografika

Ikklikkja biex tara l-infografika

Awtorizzazzjoni

Jekk sustanza tiġi identifikata bħala partikolarment li tagħmel il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew lill-ambjent, din ser tiżdied mal-Lista ta' Kandidati ta’ sustanza ta' tħassib serju ħafna (SVHCs). Din il-lista tiġi ppubblikata mill-ECHA u tiġi aġġornata regolarment. Jekk sustanza titqiegħed fuq din il-lista, il-kumpaniji li jimmanifatturaw, jimportaw jew jużawha għandhom obbligi legali. Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jistaqsu jekk ċerti prodotti li jixtru fihomx sustanzi ta' tħassib serju ħafna li jinsabu fuq il-Lista ta' Kandidati ta’ ’l fuq minn ċerta konċentrazzjoni.

Jekk sustanza ta' tħassib serju ħafna tiġi inkluża fil-Lista tal-Awtorizzazzjoni, din ma tistax tintuża jew titqiegħed fis-suq tal-EU wara data speċifika - sakemm ma tkunx intalbet jew ingħatat awtorizzazzjoni speċifika. Sabiex japplikaw għal awtorizzazzjoni, il-kumpaniji jeħtieġu jwettqu analiżi ddettaljata ta’ alternattivi għall-użu tas-sustanza tagħhom. Dawn iridu juru li r-riskji tal-użu tas-sustanza huma żgħar. F’ċerti każijiet, dawn jeħtieġu wkoll li juru li l-benefiċċji għas-soċjetà huma ogħla mir-riskji maħluqa u li hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli.

Klassifikazzjoni u tikkettar armonizzati

Il-kumpaniji li jimmanifatturaw, jimportaw jew jużaw is-sustanzi kimiċi jeħtieġu jikklassifikawhom f’konformità mal-perikli identifikati. Dawn jeħtieġu jittikkettjaw is-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi tagħhom u jippakkjawhom kif xieraq. Għall-aktar sustanzi kimiċi perikolużi - pereżempju, dawk li jikkawżaw il-kanċer - din il-klassifikazzjoni u l-ittikkettar jeħtieġ li jiġu armonizzati madwar l-UE. Dan jiżgura li r-riskji tagħhom jiġu mmaniġġjati b’mod adegwat fl-Istati Membri kollha.

Min jikkontrolla l-kumpaniji?

Huma l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali li jispezzjonaw il-kumpaniji u jivverifikaw jekk jikkonformawx mal-liġi. Dawn jistgħu jimponu multi fuq il-kumpaniji li ma jissodisfawx id-doveri tagħhom.

Sustanzi kimiċi - terminoloġija

F'dawn il-paġni, nużaw it-termini “sustanzi kimiċi” u “prodotti”. It-test legali għandu terminoloġija aktar speċifika: sustanzi, taħlitiet u oġġetti.

  • Sustanza tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksuba mill-manifattura. Eżempji: fidda, klorur tas-sodju
  • Taħlita tfisser taħlita jew soluzzjoni magħmula minn żewġ sustanzi jew aktar. Eżempji: żebgħa, trab tal-ħasil
  • Oġġett tfisser oġġett li waqt il-produzzjoni jingħata forma, wiċċ jew disinn speċjali. Dan jiddetermina l-funzjoni tiegħu aktar milli tiddeterminah l-kompożizzjoni kimika tiegħu. Eżempji: flokk tan-nofs komma, martell

Għal aktar informazzjoni, agħti titwila lejn ECHA-Term, il-bażi ta’ data tat-terminoloġija multilingwi tagħna. Din għandha ġabra tajba ta’ definizzjonijiet relatati mas-sustanzi kimiċi.