X’jaħsbu l-Ewropej dwar is-sustanzi kimiċi? - Chemicals In Our Life

X’jaħsbu l-Ewropej dwar is-sustanzi kimiċi?

L-istudju tal-Ewrobarometru ta’ kważi 28 000 persuna fi 28 pajjiż juri li 65 % huma mħassba dwar li jiġu esposti għal sustanzi kimiċi perikolużi, 26 % kienu mħassba ħafna u 39 % kienu ftit imħassba.

Il-livell ta’ tħassib ivarja skont l-Istat Membru tar-rispondenti, b’dawk fl-Ewropa ta’ Fuq li ġeneralment iħossuhom aktar infurmati u inqas imħassba minn dawk fl-Ewropa t’Isfel. Minkejja dan, f’kull Stat Membru, tal-inqas nofs ir-rispondenti wrew xi livell ta’ tħassib.

Il-pittogrammi tal-periklu huma ta’ għajnuna?

L-istħarriġ ħares ukoll lejn is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-pittogrammi tal-periklu. Minkejja l-fatt li ċ-ċittadini seta’ kellhom opportunità limitata biex isiru familjari mal-pittogrammi l-ġodda, xi wħud diġà huma familjari ħafna magħhom.

  • 92 % raw il-pittogramma “fjammabbiltà” u kważi kollha (96 %) kienu jafu t-tifsira tagħha.
  • Fin-naħa l-oħra tal-iskala, 20 % biss għarfu l-pittogramma “periklu serju għas-saħħa”.

 

Iċ-ċittadini jaġixxu wkoll fuq l-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketti:

  • 76 % jaqraw l-istruzzjonijiet dwar is-sigurtà,
  • 57 % jaqraw l-istruzzjonijiet fuq it-tikketta, u
  • 19 % ifittxu wkoll għal aktar informazzjoni.

Iċ-ċittadini huma aktar pożittivi dwar il-prodotti tal-UE?

Kważi nofs ir-rispondenti, 47 %, ħasbu li l-prodotti mmanifaturati fl-UE huma aktar siguri minn dawk prodotti x'imkien ieħor. 5 % biss ħasbu li l-prodotti minn barra l-UE fihom sustanzi kimiċi aktar siguri.

Huwa interessanti li, daqs 30 % kellhom ftit fiduċja f’li - jew jemmnu li la l-prodotti mmanifatturati ġewwa l-UE u lanqas dawk barra minnha ma fihom sustanzi kimiċi siguri.

Iċ-ċittadini jaraw titjib

Ir-rispondenti tal-istħarriġ ġew mistoqsija wkoll jekk ħasbux li s-sigurtà tal-prodotti li fihom sustanzi kimiċi tjibitx jew marritx għall-agħar, meta mqabbel ma’ 10 sa 15-il sena ilu.

  • 44 % jaħsbu li s-sigurtà tas-sustanzi kimiċi fil-prodotti tjiebet fl-aħħar 10 sa 15-il sena;
  • 33 % iħossu li hija ftit jew wisq l-istess; filwaqt li
  • 16 % iħossu li marret għall-agħar.