Kun af l-elettronika tiegħek u s-sustanzi kimiċi tagħha - Chemicals In Our Life

Kun af l-elettronika tiegħek u s-sustanzi kimiċi tagħha

Apparat fid-dar tiegħek, bħal mowbajls, kompjuters, tablets, settijiet tat-televiżjoni, konsols tal-logħob u apparat tal-kċina intelliġenti, huma magħmula minn mijiet ta’ komponenti u eluf ta’ sustanzi kimiċi.

Xi wħud mis-sustanzi kimiċi fl-elettronika huma tossiċi - sustanzi bħal pereżempju metalli tqal, ritardanti tal-fjamma, aġenti antistatiċi jew sustanzi li jrattbu l-plastik. Iżda l-mistoqsija ewlenija hija - inti espost/a għalihom? Jekk tuża l-apparat bil-mod li huwa maħsub li jintuża, allura l-esponiment tiegħek ser ikun baxx ħafna. Pereżempju, il-bord ta’ ċirkwit tal-mowbajl tiegħek normalment ma jmissx mal-ġilda tiegħek.

Iżda hemm xi sustanzi kimiċi perikolużi, bħal ċerti ftalati u xi ritardanti, li jistgħu jiġu rilaxxati mill-apparat elettroniku fl-arja u fit-trab fid-dar tiegħek. Jeħtieġ li tiżgura wkoll li tarmihom kif suppost - inkella s-sustanzi tossiċi jistgħu jiġu rilaxxati fl-ambjent tiegħek.

Il-liġijiet tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi għandhom l-għan li jillimitaw jew jeliminaw l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fl-elettronika meta jeżistu alternattivi aktar siguri. Il-kumpaniji huma mħeġġa wkoll jissostitwixxu sustanzi kimiċi perikolużi b’alternattivi aktar siguri. Il-kumpaniji jistgħu jiksbu eżenzjonijiet u awtorizzazzjonijiet biex jużaw ċerti sustanzi kimiċi perikolużi fl-elettronika, normalment matul perjodu ta’ żmien limitat.

Metalli tqal

Attwalment, il-metalli tqal jinsabu essenzjalment f’ħafna mill-apparat elettroniku, għalkemm il-kumpaniji innovattivi dejjem qegħdin ifittxu alternattivi aktar siguri. Hawnhekk hawn xi eżempji tipiċi:

  • Kadmju- li jintuża b’batteriji tal-kompjuter rikarikabbli, kuntatti u swiċċis.
  • Merkurju- li jintuża f’displejs tal-kristalli likwidi (LCDs) tal-mowbajls u moniters ta’ kompjuters bi skrin ċatt kif ukoll fi swiċċis, batteriji u lampi fluworexxenti.
  • Ċomb- li jintuża fit-tubi katodiċi (CRTs) li jinsabu fl-iskrins tal-kompjuters u tat-televiżjoni.
  • Kromju essavalenti - li jintuża fil-produzzjoni ta’ oqfsa metalliċi differenti.
  • Nikil- li jintuża f’bords ta’ ċirkwit ta’ xi mowbajls u fl-issaldjar.
  • Ċomb u kadmju- li jintużaw fil-batteriji rikarikabbli fil-konsols tal-logħob u fil-ġugarelli elettriċi.

Ritardanti tal-fjamma

Ir-ritardanti tal-fjamma jintużaw biex jipprevjenu jew idewmu l-progress ta’ nar. Wieħed mill-effetti tagħhom huwa li jagħtuk aktar żmien biex tħalli s-sit f’każ ta’ nar. Għalhekk dawn huma pjuttost sustanzi robusti u ma għandhomx bijodegradazzjoni faċli. Dawn jibqgħu fl-ambjent naturali għal żmien twil. Ir-ritardanti tal-fjamma jistgħu jimxu mill-prodotti elettroniċi tiegħek għat-trab fid-dar tiegħek. Apparat elettroniku ġdid jista’ wkoll jirrilaxxa ritardanti tal-fjamma meta jisħon.

Pariri dwar użu aktar sigur

  • Fittex prodotti b’ekotikketta uffiċjali. Pereżempju, settijiet tat-TV, stampaturi, laptops jew kompjuters li jkollhom l-ekotikketta tal-UE ġew immanifatturati bl-iżgħar użu possibbli ta’ sustanzi kimiċi perikolużi.
  • Fittex prodotti bl-immarkar CE. Dan ifisser li l-manifattur jiggarantixxi li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti tas-sigurtà stabbiliti mill-UE.
  • Uża l-prodotti għall-iskop u bil-modi deskritti fl-istruzzjonijiet tal-produttur.
  • Uża d-dritt tiegħek li tistaqsi fil-ħanut jekk l-apparat elettroniku tiegħek fihx “sustanzi ta’ tħassib serju ħafna” li jaqbeż ċertu limitu. Skont il-liġi, il-bejjiegħ bl-imnut jew il-produttur għandu jinfurmak jekk il-prodott ikun fih xi waħda minn dawn is-sustanzi u kif tużah b’mod sigur.
  • Ibdel l-arja tal-kmamar tiegħek regolarment u pprova evita akkumulazzjoni tat-trab fid-dar tiegħek.
  • Tħallix tfal żgħar jomogħdu l-elettronika jew iżarmawha.

Irriċikla l-elettronika b'attenzjoni.

Il-materjali tossiċi fl-apparat elettroniku tiegħek jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent jekk ma tarmihomx b’attenzjoni.

Agħti l-apparat elettriku antik u l-iskart elettroniku tiegħek lill-istazzjon ta’ skart ambjentali jew ta’ riċiklaġġ lokali tiegħek sabiex tevita t-tnixxija ta’ sustanzi perikolużi fl-ambjent.

Aqra aktar