Prodotti biż-żieda tan-nano - Chemicals In Our Life

Prodotti biż-żieda tan-nano

Il-fatt li huma ħfief u b’saħħithom huma xi ftit mill-karatteristiċi li għamlu lin-nanoforom popolari fil-prodotti tal-konsumatur. Meta terġa’ tirkeb rota ġdida, tista’ ssib ruħek bilqiegħda fuq nanopartikoli.

In-nanomaterjali jintużaw f’numru kbir ta’ prodotti tal-konsumatur. In-nanotubi tal-karbonju u l-grafen jintużaw fir-rakketti tat-tennis biex jagħmluhom aktar b’saħħithom u jżidu l-qawwa li biha jolqtu l-ballun. Biex insemmu ftit eżempji, id-diossidu tat-titanju jintuża fil-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx bħala filtru tal-UV biex jipproteġina milli ninħarqu mix-xemx.

Fejn nista’ nsibhom?

Hawnhekk hawn xi wħud mill-kategoriji fejn spiss issib prodotti biż-żieda tan-nano:

  • L-elettronika u l-pannelli solari
  • Il-kożmetiċi
  • Żebgħat u linka
  • It-tagħmir tal-isport
  • It-tessuti
  • Il-prodotti farmaċewtiċi

Jekk tħobb tmur tiskija fix-xitwa taf kemm huwa importanti li l-iskis jiżolqu faċilment fuq is-silġ. Xi skis huma miksija bin-nanomaterjali biex itejbu eżattament dan. Xi roti tat-triq moderni huma ħfief ħafna. Ma tantx tieħu pjaċir titla’ għolja fuq qafas tal-azzar tqil sakemm ma tridx verament taħraq ftit kaloriji. Qafas eħfef jagħmel lir-rota tgħaġġel aktar.

Xi oqfsa ta’ roti miżjuda b’nanotubi tal-karbonju jiżnu ftit ħafna daqs 1 055 gramma u xorta huma 400 darba aktar b’saħħithom minn tubi tal-azzar. Mhux għażla diffiċli jekk qiegħed/qiegħda fit-Tour de France u trid tasal l-ewwel sal-quċċata tal-Pirinej. Jew anki jekk sempliċiment qiegħed/qiegħda tard għax-xogħol.

In-nanofidda huwa ieħor min-nanomaterjali li jintużaw b’mod komuni. Dan jista’ jinstab fil-magni tal-ħasil, fit-tagħmir tal-isptar, fil-ħwejjeġ tal-isport, fl-imballaġġ tal-ikel u fis-supplimenti. Li għandu tajjeb in-nanofidda huwa li jnaqqas il-batterji, u dan jagħmel il-ħwejjeġ tiegħek jintnu inqas meta tasal fil-quċċata ta’ għolja bir-rota tiegħek.

Prodott ta’ protezzjoni kontra x-xemx trasparenti ġdid

Jekk qatt użajt prodott ta’ protezzjoni kontra x-xemx, hemm probabbiltà li kellek ukoll diossidu tat-titanju nano f’idejk.

Id-diossidu tat-titanju huwa wieħed min-nanomaterjali l-aktar użati fil-prodotti tal-konsumatur. Fi prodott ta’ protezzjoni kontra x-xemx, dan jipproteġina kontra r-radjazzjoni ultravjola (UV) tax-xemx. Int tiftakar il-prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx bojod antiki li jweħħlu li kienu komuni snin ilu. Illum, in-nanoteknoloġija, bl-użu ta’ partikoli iniviżibbli fl-iskala nano, għamlitha possibbli li jinħolqu prodotti ta’ protezzjoni kontra x-xemx trasparenti li jaħdmu tajjeb xorta.

Il-konverżjoni tad-dawl tax-xemx f’elettriku

Il-prodott ta’ protezzjoni kontra x-xemx mhuwiex l-uniku rabta bejn ix-xemx u n-nanoteknoloġija. In-nanoteknoloġija tintuża wkoll biex tagħmel lill-pannelli solari jaħdmu aħjar. In-nanomaterjali jgħinu biex il-pannelli jibqgħu nodfa u dawn itejbu wkoll kemm il-pannelli jkunu jistgħu jassorbu mill-enerġija tax-xemx u jikkonvertuha f’elettriku.

Dawn huma sempliċement ftit eżempji, il-lista ta’ prodotti tal-konsumatur li fihom in-nanomaterjali kważi ma tispiċċa qatt. Jekk tħares madwar id-dar jew l-uffiċċju tiegħek tista’ ssib nanomaterjali li jintużaw fil-prodotti bħal stampar b’inkjet u linki tat-tatwaġġi, testijet tat-tqala, deodoranti, tutpejst, fliexken tax-xorb tal-plastik, ħwejjeġ reżistenti għall-ilma, rakketti tat-tennis, tajers tal-karozzi, stikek tal-golf, skrins tal-kompjuter u tat-televiżjoni, ċuwingamm u bħala koloranti fil-ħelu.

Aqra aktar dwar in-nanomaterjali u fejn jintużaw.
Logo tal-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea għan-Nanomaterjali