Skip to Content

In-nanomaterjali u s-saħħa

Is-sustanzi f’nanoformi huma aktar perikolużi milli huma fid-daqs normali tagħhom? Xi wħud huma u xi wħud le. Bħal kwalunkwe sustanza kimika oħra, in-nanomaterjali jridu jiġu vvalutati separatament.

In-nanomaterjali u l-effetti tagħhom fuq ġisimna jistgħu jkunu differenti daqs kwalunkwe sustanza kimika oħra. Għalhekk, bħal kwalunkwe sustanza oħra, in-nanomaterjali għandhom jiġu vvalutati separatament. Jekk sustanza tiġi vvalutata li mhijiex perikoluża fil-forma f’lott tagħha, din xorta trid tiġi osservata fin-nanoforma. 

Kif issib jekk nanomaterjal huwiex tossiku

Waħda mill-affarijiet li x-xjenzjati jippruvaw isibu hija jekk in-nanomaterjali jidħlux u jibqgħux f’ġisimna u jakkumulawx maż-żmien, jew jekk jiġux eliminati jew diġestiti. Din mhijiex biċċa xogħol faċli.

Hemm bosta affarijiet x’wieħed jikkunsidra meta jipprova jsib jekk nanomaterjal huwiex ta’ ħsara jew le, bħad-daqs u l-forma u mhux l-inqas kif dan iġib ruħu ladarba l-partikula titkisser għad-daqs nano. Pereżempju, jista’ jkun li xi nanomaterjali jkunu jistgħu jilħqu partijiet tal-ġisem li partikoli oħra ma jilħqux u wieħed irid isib x’implikazzjonijiet jista’ jkollu dan.

Naturalment, il-fatt li huma verament żgħar jagħmel dan aktar diffiċli. L-istrumenti li huma kapaċi jidentifikaw u janalizzaw in-nanopartikoli ġew żviluppati biss riċentement.

X’inhuma r-riskji?

Xi nanomaterjali jistgħu jagħmlu ħsara liċ-ċelloli fil-ġisem waqt li oħrajn urew li mhumiex perikolużi. Minħabba d-daqs żgħir tagħhom, xi wħud minnhom jistgħu jilħqu post fond fil-pulmun meta jinġibdu man-nifs. Ladarba jkunu hemm, jista’ jkun li dawn ikunu jistgħu jikkawżaw infjammazzjoni. Riskju ieħor huwa li xi nanomaterjali jistgħu jivvjaġġaw fid-demm u jidħlu f’organi bħall-fwied, il-kliewi, il-qalb jew il-milsa fejn jistgħu jikkawżaw mard.

Studji bl-użu tal-firien urew li xi nanopartikoli għandhom aktar probabbiltà li jikkawżaw infjammazzjoni u kanċer milli l-istess sustanza f’daqs ikbar.

In-nanopartikoli jistgħu jidħlu fil-ġisem tal-bniedem bi tliet modi differenti:

  • Tista’ tiġbidhom man-nifs
  • Tista’ tikolhom jew tixrobhom
  • Jew jistgħu jidħlu f’ġismek mill-ġilda

Aħna esposti?

Meta tivvaluta r-riskju tan-nanomaterjali, jeħtieġ li ssib ukoll jekk aħniex esposti għalihom. In-nanomaterjali jinstabu f’diversi postijiet inkluż fin-natura. Dawn iseħħu, pereżempju, f’irmied ta’ żbroff ta’ vulkan, fit-trab u fiż-żiffa mill-baħar, iżda wkoll f’ambjenti urbani bħal ngħidu aħna, minn dħaħen tal-egżost tad-diżil.

Għad għandna bżonn aktar informazzjoni dwar ħafna nanomaterjali li jintużaw kemm fil-postijiet tax-xogħol kif ukoll fil-prodotti tal-konsumaturi sabiex inkunu nistgħu nivvalutaw is-sigurtà tagħhom.

L-ECHA u awtoritajiet oħra qed jaħdmu biex jiċċaraw kif il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tiġi applikata għan-nanomaterjali, u permezz t’hekk jiżguraw aktar l-użu sikur tagħhom.

Aqra aktar dwar in-nanomaterjali u fejn jintużaw.
Logo tal-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea għan-Nanomaterjali

Route: .live1