Struzzjonijiet ta’ prekawzjoni u esponiment - Chemicals In Our Life

Struzzjonijiet ta’ prekawzjoni u esponiment

L-iskedi ta' data ta’ sigurtà u x-xenarji ta’ esponiment jgħinuk timmaniġġja s-sustanzi kimiċi b’mod sigur u tipproteġi lilek innifsek. Il-fornituri tas-sustanzi kimiċi perikolużi użati fil-post tax-xogħol jeħtieġ li jipprovdu din l-informazzjoni dwar is-sigurtà u int tista’ tiksibha mill-impjegatur tiegħek.

Skeda ta' Data ta' Sigurtà (SDS) fiha informazzjoni dwar sustanza kimika jew taħlita. Din għandha informazzjoni, prinċipalment għall-impjegaturi, dwar il-perikli, inklużi perikli ambjentali, u pariri dwar użu sigur fuq il-post tax-xogħol.

L-Iskedi ta’ Data ta’ Sigurtà jgħinu lill-ħaddiema jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol u sabiex jipproteġu l-ambjent. Dawn jagħtu pereżempju informazzjoni dwar il-ħżin, l-immaniġġjar u r-rimi sigur. B’mod partikolari, l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà jenħtieġ li tippermetti lill-impjegaturi jiddeterminaw jekk hemmx xi sustanzi kimiċi perikolużi preżenti fil-post tax-xogħol, u jivvalutaw kwalunkwe riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħhom.

Għal sustanzi kimiċi perikolużi prodotti fi kwantitajiet kbar, l-iskedi ta’ data ta’ sigurtà jenħtieġ li jiġu estiżi sabiex jinkludu saħansitra aktar informazzjoni dwar kif tużahom b’mod sigur. Għat-taħlitiet, bħaż-żebgħa u bħas-solventi, l-informazzjoni tista’ tkun fil-paragrafu ewlieni tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

Informazzjoni dwar is-sigurtà għas-sustanzi tista’ tinstab f’xenarji ta’ esponiment mehmuża mal-iskedi ta’ data ta’ sigurtà. Ix-xenarji ta’ esponiment huma dokumenti li jiddefinixxu l-kondizzjonijiet għall-immaniġġjar ta’ sustanzi perikolużi mingħajr esponiment għal riskju mhux aċċettabbli. Fi kliem ieħor, dawn huma indikazzjonijiet għal użu sigur.

U dwar il-livelli ta’ esponiment massimu?

Il-kontroll tal-esponiment għas-sustanzi kimiċi f’kondizzjonijiet tax-xogħol differenti huwa importanti sabiex jiġi żgurat li int tibqa’ sigur/a fuq il-post tax-xogħol anki meta timmaniġġja sustanzi kimiċi li jagħmlu l-ħsara.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi tinkludi livelli rakkomandati massimi għal esponiment għas-sustanzi kimiċi. Dawn huma livelli ta’ konċentrazzjonijiet li f’konċentrazzjoni inqas minnhom, is-sustanza kimika ma tagħmilx ħsara lil saħħitna. Dawn il-“livelli derivati ta’ bla effett” (DNELs) jiġu mill-fornituri tiegħek. Għas-sustanzi bijoċidali, jintużaw “livelli ta’ esponiment aċċettabbli” (AELs).

L-informazzjoni u l-pariri prattiċi fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà u fix-xenarji ta’ esponiment huma għodod ewlenin għall-ippjanar ta’ miżuri ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol u sabiex l-esponiment jinżamm b’suċċess taħt il-livelli derivati ta’ bla effett.

L-impjegatur tiegħek irid jivverifika din l-informazzjoni kollha, u jivverifika jekk hemmx fis-seħħ miżuri u struzzjonijiet ta’ prekawzjoni xierqa sabiex jiġu evitati r-riskji. Dan jiżgura li l-esponiment għas-sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol jiġi kkontrollat. Kun ċert li int u ħaddiema oħra fil-kumpanija tiegħek tifhmu u tapplikaw il-miżuri fl-iskedi ta’ data ta’ sigurtà estiżi. Jekk le, tista’ tistaqsi lill-impjegatur tiegħek għal taħriġ.