Tfittxija għal sustanzi kimiċi - Chemicals In Our Life

Tfittxija għal sustanzi kimiċi

Agħti daqqa t’għajn lejn il-bażi ta’ data unika tagħna sabiex issir taf aktar dwar is-sustanzi kimiċi użati kuljum fl-Ewropa.

Permezz tal-ħidma tagħha fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi tal-Unjoni Ewropea, l-ECHA bniet l-akbar bażi ta’ data dwar is-sustanzi kimiċi fid-dinja. Din fiha informazzjoni bl-Ingliż dwar aktar minn 140 000 sustanza kimika, u qiegħda tikber il-ħin kollu.

Il-bażi ta’ data tinkludi aktar minn żewġ miljun sommarju ta’ studju dwar il-karatteristiċi tas-sustanzi kimiċi u l-impatt tagħhom fuq il-bnedmin u l-ambjent. Din tispjega wkoll kif is-sustanzi kimiċi huma kklassifikati (pereżempju jekk humiex korrużivi jew fjammabbli) u tipprovdi linji gwida dwar kif għandhom jintużaw b’mod sikur.

Proporzjon relattivament żgħir minn dawn is-sustanzi kimiċi (181 mix-xitwa tal-2018) huwa elenkat li hu ta’ tħassib serju ħafna peress li dawn jistgħu jikkawżaw kanċer jew mutazzjonijiet, ifixklu l-fertilità jew jakkumulaw u jippersistu fl-ambjent. Flimkien l-entrati tagħhom jammontaw għal ammont kbir ta’ informazzjoni, li l-ECHA hija impenjata li tuża għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej u l-ambjent.

Sib it-tweġibiet li teħtieġ

Sustanza kif tabilħaqq taffettwa l-ġisem tal-bniedem? Din tirrita l-ġilda tiegħek jew għajnejk, jew għandha effett ħafna agħar, bħal li tikkawża kanċer? U f’liema tipi ta’ prodotti tintuża? Hija ta’ ħsara għall-ambjent u kif tiġi rilaxxata? Dawn il-mistoqsijiet kollha issa qed tingħatalhom tweġiba f’deskrizzjonijiet qosra ta’ kull sustanza kimika li aħna nsejħulhom infocards. Jekk tixtieq tkun taf dwar is-sustanzi li tista’ tkun espost għalihom, dan huwa post tajjeb biex tibda.

Faċli daqs meta tkun qed tfittex kelma fid-dizzjunarju, kemm tikteb l-isem tas-sustanza fil-kaxxa tat-tfittxija fit-taqsima tal-Informazzjoni dwar is-Sustanzi Kimiċi u ssibha hemm. L-informazzjoni hija bbażata fuq id-data li l-kumpaniji jkunu ppreżentaw lill-ECHA biex ikunu konformi mal-liġi tal-UE. Jekk is-sustanza tkun ikklassifikata bħala partikolarment perikoluża, l-infocard turi wkoll kif din qiegħda tiġi skrutinizzata mir-regolaturi fil-livell Ewropew u dak nazzjonali sabiex jiġi żgurat li n-nies u l-ambjent ikunu protetti. 

It-Tabella Perjodika tal-Elementi

It-Tabella Perjodika tal-Elementi hija waħda mill-kisbiet l-aktar importanti u influwenti fix-xjenza moderna. Ġiet żviluppata 150 sena ilu mix-xjentist Russu Dmitri Mendeleev. Sabiex jiġi kkommemorat il-150 anniversarju, l-2019 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Internazzjoni tat-Tabella Perjodika tal-Elementi.

Agħti titwila lejn it-tabella interattiva tal-elementi tagħna u sib 93 mill-elementi fil-bażi ta’ data tas-sustanzi kimiċi tagħna. Tgħallem dwar il-karatteristiċi tal-elementi, kif jintużaw u l-prekawzjonijiet meħtieġa għall-użu sikur tagħhom.

It-Tabella Perjodika Interattiva tal-Elementi