Skip to Content

Ifhem it-tikketti

Simboli ta’ twissija u kuluri speċifiċi fuq it-tikketti tal-prodotti jipprovdu informazzjoni dwar il-ħsara li sustanza jew taħlita partikolari tista’ tikkawża lil saħħtek jew lill-ambjent.

Pittogramma tal-periklu hija stampa fuq tikketta li tinkludi simbolu ta’ twissija u kuluri speċifiċi maħsuba biex jipprovdu informazzjoni dwar il-ħsara li sustanza jew taħlita partikolari tista’ tikkawża lil saħħitna jew lill-ambjent. Ir-Regolament CLP introduċa sistema ta’ klassifikazzjoniu tikkettar ġdida għal sustanzi kimiċi perikolużi fl-Unjoni Ewropea. Il-pittogrammi nbidlu wkoll u huma konformi mas-Sistema Globalment Armonizzata tan-Nazzjonijiet Uniti.

Ikklikkja hawn biex tara infografika li tispjega t-tikketti

Il-pittogrammi huma fil-forma ta’ djamant aħmar bi sfond abjad, u ssostitwixxew s-simboli antiki f’forma ta’ kaxxa oranġjo li kienu japplikaw taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti. Mill-1 ta’ Diċembru 2010, xi sustanzi u taħlitiet diġà ġew ittikkettati skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida. Il-pittogrammi l-antiki ma tħallewx fis-suq mill-1 ta’ Ġunju 2017.

Ibqa’ sigur(a) u ara l-infografika ta’ hawn taħt biex issir familjari mal-pittogrammi l-ġodda.

X’fiha t-tikketta

Minbarra l-pittogrammi, it-tikketta fiha spjegazzjoni ta’ xi tfisser (dikjarazzjoni ta' periklu). L-istess pittogramma jista’ jkollha bosta dikjarazzjonijiet ta' periklu assoċjati mal-effetti li s-sustanza jew it-taħlita tista’ tikkawża. Pereżempju, is-simbolu ta’ punt ta’ esklamazzjoni jista’ jfisser li s-sustanza jew it-taħlita tista’ tikkawża irritazzjoni respiratorja jew li tista’ tikkawża irritazzjoni serja lill-għajnejn jew irritazzjoni tal-ġilda. Ser issib ukoll dikjarazzjonijiet ta’ prekawzjoni fuq it-tikketta, li jindikaw kif timmaniġġja l-prodott b’mod sigur u x’miżuri għandek tieħu jekk tiġi espost(a) għall-prodott bi żball. It-tikketta fiha wkoll “kelma bħala sinjal” li tindika s-severità tal-ħsara li jista’ jikkawża prodott: “Periklu” għal ħsara aktar severa u “Twissija” għal inqas severa.

Il-prodotti li fihom dawn it-tikketti jistgħu jagħmlu l-ħsara jekk ma jiġux immaniġġjati kif suppost. Kun ċert(a) li titgħallem xi jfissru t-tikketti u li taqra l-istruzzjonijiet sabiex tiżgura użu sigur.

 
Eżempju ta’ tikketta

Route: .live2