U dwar il-prodotti importati? - Chemicals In Our Life

U dwar il-prodotti importati?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE timmira lejn użu aktar sigur tas-sustanzi kimiċi anke fil-prodotti li tixtri fis-suq tal-UE. Hemm sistemi fis-seħħ biex jiżguraw is-sigurtà tal-prodotti, kif ukoll biex jiġu intraċċati u rtirati dawk mhux siguri.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha standards ta' sigurtà għoljin. Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti għandha l-għan li tiżgura li fl-UE jinbiegħu biss prodotti siguri. Il-kumpaniji jenħtieġ li jimportaw u jbigħu biss prodotti li huma siguri u dawn jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar kwalunkwe riskju tal-prodotti tagħhom. Dawn għandhom jiżguraw ukoll li l-prodotti perikolużi jkunu jistgħu jiġu intraċċati sabiex ikunu jistgħu jitneħħew biex jiġu evitati riskji għall-konsumaturi. Għalhekk, jekk tixtri prodotti li mhumiex manifatturati fl-UE iżda importati minn x'imkien ieħor, dawn xorta jridu jikkonformaw mal-istess standards ta' sigurtà kimika. Huwa l-importatur tal-prodotti fl-UE li huwa responsabbli minn dan.

Skont ir-regolament REACH, il-kumpaniji li jimportaw prodotti fl-Ewropa jeħtieġ li jkunu jafu jekk il-prodotti tagħhom fihomx sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jaqbeż ċertu livell, u huma meħtieġa li jgħaddu din l-informazzjoni lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi meta dawn jitolbuha. L-importaturi jeħtieġ li jkunu jafu wkoll jekk il-prodotti tagħhom fihomx sustanzi kimiċi li ġew ristretti fl-Ewropa - bħal pereżempju,  ċomb fil-ġojjellerija.

L-awtoritajiet jistgħu jużaw ir-restrizzjonijiet skont REACH sabiex jindirizzaw prodotti mhux siguri. Dawn jistgħu, pereżempju, jillimitaw jew jipprojbixxu l-użu ta’ sustanza kimika - jew waħedha jew fi prodotti speċifiċi.

L-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ prodotti mhux siguri mis-suq tal-UE

Jekk il-monitoraġġ jindika li prodott fis-suq jista’ jkun mhux sigur, hemm sistemi fis-seħħ sabiex jindirizzaw il-kwistjoni u jiżguraw it-tneħħija tiegħu. 

Hija primarjament ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri li jivverifikaw jekk il-prodotti fis-suq humiex siguri u japplikaw sanzjonijiet fejn meħtieġ. Dawn jikkooperaw mill-qrib mad-dwana sabiex jipproteġu lill-konsumaturi minn prodotti importati mhux siguri li jiġu minn barra l-UE.

Sabiex tappoġġja dan il-proċess, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħaddem sistema ta’ sigurtà msejħa Sistema ta’ Twissija Rapida, li tippermetti l-iskambju ta’ malajr ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi fl-UE dwar prodotti mhux tal-ikel perikolużi li joħolqu riskju għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

Meta l-awtoritajiet fi Stat Membru jidentifikaw prodott perikoluż, il-prodott jista’ jiġi rtirat u l-awtorità ser tinforma lill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni mbagħad ser tinforma lill-bqija tal-UE u ser tippubblika twissija għall-konsumaturi jekk il-prodott diġà jkun fis-suq. Jekk jiġi identifikat prodott fil-fruntiera, l-importazzjoni ser titwaqqaf. Jekk il-prodott jiġi importat minn barra l-UE, pereżempju miċ-Ċina, l-awtoritajiet Ċiniżi ser jiġu infurmati.

L-ECHA tippubblika xi ftit minn dawn il-prodotti fuq il-kanali tal-midja soċjali tagħna. Jekk tixtieq tara r-rapport sħiħ mis-sistema Rapid Alert, segwi l-link ta’ hawn taħt. 

Aqra aktar