U dwar alternattivi aktar siguri? - Chemicals In Our Life

U dwar alternattivi aktar siguri?

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi tippromwovi s-sostituzzjoni tas-sustanzi kimiċi l-aktar perikolużi b’dawk aktar siguri. Int ukoll jista’ jkollok impatt fuq l-użu ta’ alternattivi aktar siguri jew jekk is-sostituzzjoni ma tkunx possibbli, tnaqqas l-esponiment tiegħek għal dawk li jagħmlu l-ħsara.

Sustanzi li jikkawżaw il-kanċer, mutazzjonijiet jew tossini riproduttivi huma magħrufa bħala “sustanzi ta’ tħassib serju ħafna” (SVHC). L-SVHCs jistgħu jiġu inklużi f’lista msejħa l-Lista ta’ Kandidati. Minn hemm dawn jistgħu jimxu għal-Lista ta’ Awtorizzazzjoni, li jfisser li dawn jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss għal użi awtorizzati speċifiċi. Jekk is-sustanza li tuża fil-post tax-xogħol hija inkluża fil-Lista ta’ Kandidati jew ta’ Awtorizzazzjoni, dan ifisser li probabbilment dalwaqt ser tkun meħtieġa li tiġi sostitwita b’alternattiva aktar sigura. 

Eżempju ta’ interess għall-ħaddiema huwa MDA (4,4'- Dijaminodifenilmetanu). Dan jintuża bħala aġent ta' trattament fil-polimeri u bħala sustanza li twebbes f’reżini tal-epossi u fl-adeżivi, b’esponiment għoli tal-ħaddiema b'mod partikolari f’kumpaniji iżgħar. Għalkemm jinsab fil-Lista ta’ Awtorizzazzjoni, l-ebda manifattur jew utent m’applika biex ikollu l-użu tiegħu awtorizzat sal-iskadenza, li jfisser li għal dak l-użu identifikat, dan tneħħa mis-suq mill-21 ta’ Awwissu 2014.

In-numru ta’ sustanzi fil-Lista ta’ Kandidati qiegħed jikber. Din tiġi aġġornata darbtejn fis-sena. L-impjegatur tiegħek jenħtieġ li jkun jaf jekk kwalunkwe sustanza li timmaniġġja hijiex inkluża f'din il-lista. Dan japplika għas-sustanza waħedha, f’taħlita, jew f’oġġett, u joħloq obbligi addizzjonali għall-impjegatur tiegħek.

Allura s-sustanzi ta’ tħassib kif qegħdin jiġu kkontrollati?

L-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tissostitwixxi b'mod progressiv sustanza ta' tħassib serju ħafna b’alternattivi xierqa hekk kif jirriżultaw għażliet ġodda li huma teknikament u ekonomikament affidabbli. Din hija miżura temporanja sabiex jiġi żgurat li sustanzi ta' tħassib serju ħafna jiġu kkontrollati kif suppost sakemm is-sustanzi jiġu sostituti b’alternattivi aktar siguri.

Ir-restrizzjoni

Is-sustanzi perikolużi jistgħu jiġu ristretti wkoll f’termini tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq jew l-użu tagħhom. Ir-restrizzjonijiet skont REACH jiġu adottati meta r-riskji ma jkunux aċċettabbli u tkun meħtieġa azzjoni fl-UE kollha sabiex tipproteġi lilna jew lill-ambjent. Ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw pereżempju, għall-asbestos, iċ-ċomb fiż-żebgħa u l-merkurju f’apparat tal-kejl.

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali

Ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali għandu l-għan li jeskludi sustanzi li huma, pereżempju, karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni. Dan jippromwovi wkoll is-sostituzzjoni tal-prodotti bijoċidali li fihom sustanzi li jistgħu jikkawżaw, pereżempju, ażma jew problemi respiratorji oħra. Dawn il-prodotti mhumiex ser jiġu awtorizzati u ser jiġu sostitwiti b’alternattivi aktar siguri.

Staqsi lill-impjegatur tiegħek

Meta tfittex fil-bażijiet ta' data tas-sustanzi kimiċi tagħna, jekk tinnota li sustanza kimika li tintuża fil-post tax-xogħol tiegħek tinsab taħt azzjoni regolatorja, ħeġġeġ lill-impjegatur tiegħek biex jelimina l-ħtieġa għal din is-sustanza kimika jew biex jikkunsidra li jissostitwixxiha b’alternattiva aktar sigura. Dan ser itejjeb is-sigurtà fil-post tax-xogħol tiegħek u jista’ jkun ta’ benefiċċju għan-negozju tiegħek.

Agħti ħarsa lejn il-portal ta’ sostituzzjoni għal ideat li jistgħu jgħinuk issib alternattivi aktar siguri.