Min huwa responsabbli? - Chemicals In Our Life

Min huwa responsabbli?

L-impjegaturi, il-fornituri, l-awtoritajiet u l-Istati Membri kollha għandhom rwol biex jiżguraw li l-post tax-xogħol ikun sigur mill-perikli ta’ sustanzi kimiċi li jagħmlu l-ħsara. Li tkun taf x’inhuma dawn ir-responsabbiltajiet u fejn issib aktar informazzjoni, jgħinek biex tifhem id-drittijiet tiegħek bħala ħaddiem/a.

L-użu sigur tas-sustanzi kimiċi fil-post tax-xogħol tiegħek huwa essenzjali - esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi jikkawża sa 30 % ta’ mard okkupazzjonali rikonoxxut u għexieren ta’ eluf ta’ mwiet evitabbli permezz tal-prevenzjoni fl-Ewropa kollha kull sena.

Skont il-liġi, f’kull pajjiż tal-UE, int intitolat/a li tikseb tweġbiet għal dawn il-mistoqsijiet importanti:

  • Liema huma l-perikli tas-sustanzi kimiċi u tal-prodotti li nimmaniġġja?
  • Kif nista’ nużahom b’mod sigur?

Dawn ir-rekwiżiti legali japplikaw b’mod ugwali għall-kumpaniji kollha sew jekk jimmanifatturaw, jimportaw jew jużaw is-sustanzi kimiċi.

Skont il-leġiżlazzjoni Ewropea, l-impjegaturi jeħtieġ li jieħdu miżuri speċifiċi biex jikkontrollaw ir-riskju għall-ħaddiema minn sustanzi perikolużi.

  • Fejn possibbli, elimina l-użu ta’ sustanza li tagħmel il-ħsara billi tibdel il-proċess jew prodott li fih tintuża s-sustanza.
  • Jekk l-eliminazzjoni ma tkunx possibbli, issostitwixxi s-sustanza li tagħmel il-ħsara b’waħda mhux perikoluża jew inqas perikoluża.
  • Fejn ma jkunx jista’ jiġi eliminat periklu, applika miżuri ta’ kontroll li għandhom l-għan li jipproteġu lil kulħadd. Skont il-liġi, int jenħtieġ li tiddependi minn tagħmir personali protettiv biss bħala l-aħħar soluzzjoni, meta l-esponiment ma jkunx jista’ jiġi evitat.
  • Għal numru ta’ sustanzi perikolużi, hemm limiti ta’ esponiment okkupazzjonali (OELs) li jeħtieġ li jiġu rrispettati.

L-impjegaturi huma responsabbli mill-komunikazzjoni dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol lill-impjegati tagħhom. L-informazzjoni pprovduta jenħtieġ li tkun affidabbli, komprensiva u aċċessibbli faċilment. L-impjegati jenħtieġ li jsiru jafu dwar il-kwistjonijiet u s-suġġetti inkluż:

  • is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju tal-impjegatur tagħhom;
  • il-perikli li huma esposti għalihom u kif dawn jistgħu jiġi affettwati;
  • x’għandhom jagħmlu biex iżommu lilhom infushom u lil ħaddieħor sigur;
  • kif jivverifikaw u jagħrfu meta l-affarijiet imorru ħażin;
  • lil min jenħtieġ li jirrappurtaw kwalunkwe problema;
  • ir-riżultati ta’ kwalunkwe monitoraġġ tal-esponiment jew tas-sorveljanza tas-saħħa;
  • miżuri preventivi li għandhom jittieħdu f’każ ta’ xogħol ta’ manutenzjoni;
  • proċeduri tal-ewwel għajnuna u tal-emerġenza.

Is-sigurtà tiegħek fuq il-post tax-xogħol tibda minnek. Kellem lill-impjegatur jew lir-rappreżentant tas-saħħa u s-sigurtà tiegħek. Uża s-sit web tagħna bħala sors ta’ informazzjoni.

Il-fornituri

Għal sustanzi perikolużi, il-fornituri jeħtieġ li jipprovdu skedi ta’ data ta’ sigurtà u jżidu tikketti mal-prodotti li jkun fihom l-informazzjoni dwar is-sigurtà rilevanti. L-impjegatur tiegħek għandu juża din l-informazzjoni biex idaħħal fis-seħħ miżuri tal-ġestjoni tar-riskju sabiex jiżgura li int tuża s-sustanzi kimiċi b’mod sigur fuq il-post tax-xogħol tiegħek.

L-awtoritajiet tal-UE

Ir-regolamenti tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, pereżempju r-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ (CLP), u r-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPR), kollha għandhom mekkaniżmi fis-seħħ biex jipproteġu lill-ħaddiema minn esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi.

Skont REACH, il-manifatturi u l-importaturi jeħtiġilhom jiġbru u jgħaddu l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sustanzi kimiċi tagħhom sabiex l-utenti jkunu jistgħu jimmaniġġjawhom b’mod sigur. L-industrija wkoll jeħtieġ li tikkonforma mal-miżuri protettivi meħtieġa għas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna.

Id-Direttiva Qafas Ewropea dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol ġiet stabbilita fl-1989 u tiggarantixxi rekwiżiti tas-sigurtà u s-saħħa minimi fl-Ewropa kollha.

Ir-Regolament dwar il-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar jirrikjedi li l-perikli jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-ħaddiema u lill-konsumaturi fl-UE. L-industrija jeħtiġilha tidentifika l-karatteristiċi tas-sustanzi kimiċi tagħha (sustanzi jew taħlitiet) li jistgħu jagħmlu l-ħsara lilna jew lill-ambjent. Din jeħtiġilha tikklassifikahom f’konformità mal-perikli identifikati.

Is-sustanzi kimiċi perikolużi jridu jiġu ttikkettati kif xieraq sabiex l-utenti, kemm jekk ikunu ħaddiema kif ukoll konsumaturi, ikunu jistgħu jifhmu b’mod ċar l-effetti tagħhom u jagħmlu deċiżjonijiet infurmati dwar il-prodotti li jixtru u jużaw.

Skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali, il-fornituri tas-sustanzi bijoċidali attivi jeħtiġilhom jipprovdu informazzjoni dwar is-sustanza. Il-prodotti bijoċidali kollha jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-ECHA jew minn awtorità nazzjonali qabel ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Is-sustanzi attivi f’dan il-prodott bijoċidali jridu jkunu ġew approvati preċedentement.

Barra minn hekk, diversi liġijiet oħra jirregolaw is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-Istati Membri

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom rwol ċentrali biex jiżguraw l-użu sigur tas-sustanzi kimiċi.

Dawn jikkooperaw mill-qrib mal-ECHA u mal-Kummissjoni Ewropea. L-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw is-sustanzi rreġistrati u huma involuti mill-qrib fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-ECHA. L-Istati Membri jistgħu jipproponu restrizzjonijiet għas-sustanzi kimiċi jekk ir-riskji tagħhom ikunu jeħtieġu li jiġu indirizzati fil-livell tal-UE. Dawn jistgħu jipproponu wkoll sustanzi li għandhom jiġu identifikati bħala sustanzi potenzjali ta’ tħassib serju ħafna. L-Istati Membri jevalwaw ukoll applikazzjonijiet relatati mal-bijoċidi.

L-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali huma responsabbli biex jiżguraw li l-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi.

Aqra aktar