In-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol - Chemicals In Our Life

In-nanomaterjali fuq il-post tax-xogħol

Illum il-ġurnata, in-nanomaterjali kważi jinstabu kullimkien, iżda xi ħaddiema huma aktar esposti għalihom minn oħrajn. Jekk qiegħed/qiegħda taħdem b’partikoli żgħar b’mod jew ieħor, jaf għandek bżonn taqra dan.

Ħafna drabi xi ħaddiema jiġu esposti għan-nanomaterjali b’mod differenti u aktar dirett mill-konsumaturi anki jekk illum il-ġurnata tista’ ssib in-nanomaterjali f’ħafna prodotti.

In-nano fidda jnaqqas il-batterja u għalhekk jintuża fil-ħwejjeġ, fil-magni tal-ħasil tal-platti, fil-friġġis u fit-tagħmir tal-isptar, bħala ftit eżempji. Nanomaterjali oħrajn jintużaw fl-ikel, fl-elettronika, fil-kożmetiċi u f’ħafna aktar prodotti ta’ kuljum.

Meta jinġibdu man-nifs, xi nanomaterjali jistgħu jikkawżaw pulmun infjammat u jekk dawn jidħlu fil-fluss tad-demm, jistgħu wkoll jilħqu organi oħra bħall-fwied, il-kliewi u l-milsa fejn jistgħu jikkawżaw effett tossiku.

Bħal kwalunwe sustanza kimika oħra, ir-riskju tan-nanomaterjali jrid jiġi vvalutat każ b’każ, iżda xorta għad hemm bżonn ta’ aktar data qabel inkunu nistgħu nivvalutaw kif xieraq is-sigurtà tagħhom. L-ECHA u awtoritajiet oħra qed jaħdmu biex jiċċaraw kif il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi għandha tiġi applikata għan-nanomaterjali sabiex inkunu nistgħu niżguraw l-użu sigur tagħhom.

Min jaħdem bin-nanomaterjali?

Int tista’ tiġi f’kuntatt man-nanopartikoli fi kwalunkwe post tax-xogħol fejn dawn jiġu prodotti jew immaniġġjati. Hemm xi ftit hotsposts, pereżempju, jekk int:

  • taħdem f’żona tal-ippakkjar fejn jiġu mmanifatturati n-nanopartikoli
  • tnaddaf jew iżżomm tagħmir bħal filtri
  • taħdem bi proċessi tal-weldjar
  • tiżbogħ jew tixkatla wċuħ
  • tiġbor, tittrasporta jew tarmi l-iskart

Kif niġi f’kuntatt man-nanomaterjali?

In-nanomaterjali jistgħu jidħlu f’ġismek bi tliet modi differenti: int tista’ tiġbidhom man-nifs, tikolhom jew tixrobhom, jew dawn jistgħu jiġu assorbiti mill-ġilda.

Pereżempju, ħafna pigmenti fiż-żebgħa huma fil-fatt nanomaterjali. Meta tuża żebgħa tal-isprej tista’ tiġbidhom man-nifs jekk ma tintużax protezzjoni. Għalhekk huwa importanti li taqra t-tikketti sabiex tiżgura li l-prodott jiġi mmaniġġjat b’mod sigur.

Jista’ jsir kuntatt mal-ġilda meta timmaniġġja trab jew likwidu bħal żebgħa jew meta tkun f’atmosfera ta’ trab bin-nanopartikoli.

In-nanopartikoli mhumiex mistennija li jidħlu fil-ġisem minn ġilda b’saħħitha, iżda dejjem huwa rakkomandat li timminimizza l-kuntatt mal-ġilda u li ssegwi prattika ta’ iġjene okkupazzjonali.

Li tibla’ n-nanopartikoli aktarx li tiġri biss jekk ma ssegwix ir-regoli dwar is-sigurtà, pereżempju, jekk ma taħsilx idejk jew jekk tilbes ilbies protettiv barra miż-żona tax-xogħol wara li tkun ħdimt bin-nanomaterjali.

Fejn nieħu parir?

Jekk m’intix ċert/a jekk il-materjali li qed taħdem bihom fihomx nanopartikoli, jenħtieġ li tkun tista’ ssib din l-informazzjoni billi taqra t-tikketti u l-pittogrammi li juru perikli potenzjali. Għandu jkun hemm ukoll skeda ta’ data ta’ sigurtà dwar ir-riskji, tagħmir ta’ protezzjoni personali u pariri dwar x’tagħmel f’każ ta’ esponiment aċċidentali. Jekk xorta għadek m’intix ċert/a, jenħtieġ li tistaqsi lis-superjur tiegħek jew lill-konsulent dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tiegħek.

Aqra aktar dwar in-nanomaterjali u fejn jintużaw.
Logo tal-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea għan-Nanomaterjali