Circular economy - Chemicals In Our Life

Sustanzi kimiċi f’ekonomija ċirkolari

Il-materjali kollha ta’ madwarna, l-għamara tagħna, l-iskrins tal-kompjuter, u l-ħwejjeġ li nilbsu, huma taħlita ta’ sustanzi kimiċi differenti. Ekonomija ċirkolari tikkonċerna ċ-ċikli ta’ materjal – kif nużaw, kif nużaw mill-ġdid u kif narmu l-materjali, kif innaqqsu l-iskart u kif nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi f’dak il-proċess. Għandhom jiġu evitati r-riskji għall-bnedmin jew għall-ambjent, biex b’hekk l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti għandu jitnaqqas matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom.

Aktar ma ssir sostenibbli s-soċjetà tagħna u aktar ma noqorbu lejn ekonomija ċirkolari, aktar ma jdumu jintużaw is-sustanzi kimiċi, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jitneħħew dawk li huma problematiċi. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi tgħin biex jiġu żgurati ċikli ta’ materjal sikur u biex l-ekonomija ċirkolari taħdem.

Innovazzjoni ta’ alternattivi sikuri

Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-sustanzi kimiċi timponi obbligi iżda tipprovdi wkoll inċentivi biex l-industrija tissostitwixxi sustanzi perikolużi b’oħrajn inqas perikolużi. Il-produzzjoni ta’ materjali aktar nodfa mingħajr sustanzi kimiċi perikolużi tagħmel ir-riċiklaġġ aktar faċli, tippreserva l-ambjent tagħna u hija kruċjali biex l-ekonomija ċirkolari taħdem. Il-kumpaniji li jinnovaw u jinvestu f’alternattivi aktar sikuri jikkontribwixxu wkoll għall-kompetittività tal-industrija Ewropea fis-suq globali.

It-trattament tal-iskart

Il-mod li bih nittrattaw is-sustanzi kimiċi għandu jkun kompatibbli mal-mod kif nittrattaw l-iskart. Informazzjoni dwar fejn jispiċċaw is-sustanzi kimiċi perikolużi hija kruċjali għaċ-ċirkolarità. L-UE qed tibni bażi ta' data ġdida għall-operaturi tal-iskart u għall-konsumaturi dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi fil-katina tal-provvista biex tinkoraġġixxi s-sostituzzjoni ta’ sustanzi perikolużi u tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar sikuri.