Effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi - Chemicals In Our Life

Effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi

Is-sustanzi kimiċi jinsabu kullimkien madwarna iżda x’jiġri lil saħħitna jew lill-ambjent meta l-effetti tas-sustanzi individwali jiġu kkombinati?

Il-kimika hija parti fundamentali ta’ ħajjitna u tal-eżistenza tagħna. Riċentement, flimkien mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-evoluzzjoni, aħna esposti għal ammonti li qed jiżdiedu kemm ta’ sustanzi kimiċi magħmula mill-bniedem kif ukoll naturali minn varjetà ta’ sorsi bħal ikel, ilma, mediċini, arja, kożmetiċi, prodotti tal-kura tas-saħħa, ilbies u prodotti oħra tal-konsumatur. Mhux aħna biss esposti għalihom iżda anke l-ambjent u l-ħajja selvaġġa.

L-effetti kkombinati tas-sustanzi kimiċi jseħħu fi tliet sitwazzjonijiet differenti:

  1. Prodott li nużaw jista’ jkun taħlita ta’ sustanzi kimiċi differenti - li jesponi lilna u lill-ambjent għalihom kollha, fl-istess ħin.
  2. Nistgħu niġu esposti għal sustanza kimika waħda li tiġi minn sorsi differenti. Dan jista’ jirriżulta f’esponiment ikbar maż-żmien għalina u għall-ambjent.
  3. Sustanzi kimiċi differenti minn sorsi differenti li jiġu rilaxxati fi żminijiet differenti u minn postijiet differenti jistgħu jesponu lilna jew lill-ambjent. F’xi każijiet, l-esponiment għal sustanzi kimiċi differenti jista’ jwassal għal effetti li huma aktar severi mill-esponiment għas-sustanzi kimiċi individwali.

Il-perikli u r-riskji tas-sustanzi kimiċi attwalment qegħdin jiġu vvalutati sustanza b’sustanza. L-UE tillimita l-ammont ta’ sustanzi kimiċi permessi fil-prodotti li nixtru, fl-arja li nieħdu man-nifs u fl-ikel u fl-ilma tagħna. Għad hemm tħassib li l-analiżi tas-sustanzi kimiċi individwali biss ma tipprovdix biżżejjed sigurtà u li l-effetti tal-kombinazzjoni tas-sustanzi kimiċi jenħtieġ li jiġu indirizzati b’mod aktar sistematiku.

Għalissa, m’hemm l-ebda sistema fl-UE kollha fis-seħħ li tivvaluta l-effetti tal-kombinazzjoni u r-riskji tas-sustanzi kimiċi. Kien hemm żviluppi f’dan il-qasam u x-xjenzati qegħdin ifittxu modi kif il-gruppi ta’ sustanzi kimiċi li għandhom esponiment wiesa’ għalina u għall-ambjent, jistgħu jgħaddu minn valutazzjoni tar-riskju kkombinat. Huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, biex jiġu ttestjati t-taħlitiet kollha permezz ta’ esperimenti standard. Jeħtieġ li jintużaw strateġiji tal-ittestjar aħjar u l-użu ta’ metodi ta’ ttestjar alternattivi ġodda permezz ta’ mmudellar komputazzjonali u metodi mhux fuq l-annimali.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda taħdem biex tidentifika taħlitiet li jeħtieġ li jiġu vvalutati bħala prijorità, mhux sustanza b’sustanza iżda kollha f'daqqa u flimkien ma’ taħlitiet oħra. Ix-xjenzati u r-regolaturi wkoll qegħdin ifittxu modi ġodda kif jimlew il-lakuni fid-data sabiex jifhmu aħjar dawk it-taħlitiet li aħna esposti għalihom.

L-ECHA ssegwi l-iżviluppi f’dan il-qasam u taħdem mal-industrija, mal-akkademja u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex tanalizza l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-periklu u tar-riskju kkombinata għas-sustanzi kimiċi fis-suq Ewropew, u meta tiġi identifikata ħtieġa, l-ECHA taġixxi wkoll fuq riskji minn effetti kkombinati. Segwi l-links ta’ hawn taħt biex tara eżempji ta’ dawn l-azzjonijiet.

Aqra aktar