Companies need to improve information about hazardous chemicals to consumers - Chemicals In Our Life

Il-kumpaniji jeħtieġ itejbu l-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi perikolużi għall-konsumaturi

Proġett ta’ infurzar tal-UE juri li l-kumpaniji mhux qed jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni suffiċjenti dwar sustanzi ta’ tħassib serju ħafna fil-prodotti.

Proġett ta’ infurzar li spezzjona 405 kumpaniji fl-UE kollha, juri li aktar minn nofs il-kumpaniji li jbigħu prodotti li fihom sustanzi ta’ tħassib serju ħafna direttament lill-konsumaturi, ma pprovdewx l-informazzjoni meħtieġa dwar dawn is-sustanzi lill-konsumaturi meta ntalbu jagħmlu dan.

12 % minn kull wieħed mis-682 prodott spezzjonat kien fih sustanzi mil-Lista ta’ Kandidati ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Attwalment, din il-lista tinkludi 201 sustanza u hija aġġornata regolarment.  

Dritt li tistaqsi

Bħala konsumatur, għandek id-dritt li tistaqsi jekk il-prodotti li tixtri fihomx sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jaqbeż ċertu limitu, jiġifieri sustanzi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal saħħtek jew għall-ambjent. Il-kumpaniji jridu jagħtuk l-informazzjoni li hija essenzjali għalik biex tuża l-prodotti b’mod sigur. Bil-liġi, il-fornituri jridu jagħtuk din l-informazzjoni fi żmien 45 jum mit-talba tiegħek. Meta l-prodotti jinbiegħu bejn il-kumpaniji, għandha dejjem tingħata l-istess informazzjoni, mingħajr talba speċifika.

Fi kważi l-każijiet kollha spezzjonati, l-isem tas-sustanza biss kien disponibbli għall-  konsumaturi. Filwaqt li dan  huwa l-minimu assolut, f’ħafna każijiet, jeħtieġ li tiġi pprovduta wkoll informazzjoni dwar kif il-prodott għandu jiġi mmaniġġat b’mod sigur.

“Kważi 90 % tal-prodotti spezzjonati ma fihomx sustanzi ta’ tħassib serju ħafna li jaqbeż il-limitu, li huwa aħbar tajba għall-konsumatur Ewropew. Madankollu, nixtiequ naraw li dan in-numru saħansitra jkun akbar. Il-kumpaniji jeħtieġ ukoll jiżguraw li l-informazzjoni dwar is-sustanzi tkun disponibbli u jtejbu kif jikkomunikaw dwarha ma’ xulxin. Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jiksbu l-informazzjoni u l-industrija għandha l-obbligu li tipprovdiha meta tkun mitluba,” qal Erwin Annys, Kap tal-Unità tal-Appoġġ u tal-Infurzar tal-ECHA.

Tejjeb il-komunikazzjoni

L-ispetturi diġà kellhom idea fejn għandhom ifittxu u kkontrollaw il-prodotti li huma ssuspettaw li jkun fihom is-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Dawn is-sustanzi nstabu fil-ħwejjeġ, f’xedd is-saqajn u fit-tessuti tad-dar; fil-wajers, fil-kejbils u f'aċċessorji elettroniċi; fil-pavimenti tal-plastik jew tat-tessuti; fil-kisi tal-ħitan u fi prodotti oħra tal-plastik u tal-gomma.  

Abbażi tar-riżultati, l-ispetturi rrakkomandaw lill-kumpaniji biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista u jinvestu f’għodda tal-intraċċar u tal-informazzjoni.

Il-Forum ta’ Infurzar ikompli jikkoordina dawn il-proġetti ta’ infurzar biex jipproteġi ċ-ċittadin tal-UE minn sustanzi kimiċi perikolużi u jiżgura użu sigur tal-prodotti li nixtru.

Dwar il-Forum

L-awtoritajiet fl-UE jaħdmu flimkien biex jinfurzaw ir-regolamenti Ewropej dwar il-kimika REACH, CLP, BPR, PIC u POPs. Din il-kooperazzjoni hija mmexxija mill-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar, li jwettaq diversi proġetti bħal dan kull sena.