Skip to Content

Il-ġlieda kontra l-kanċer bl-użu tan-nanoteknoloġija

In-nanomaterjali ma jintużawx biss fil-prodotti tal-konsumaturi, iżda wkoll f’kuri mediċi ġodda u innovattivi. Ir-riċerka wriet li n-nanopartikoli jistgħu jintużaw biex jagħmlu ħsara u saħansitra jeqirdu ċ-ċelloli tal-kanċer minn ġewwa.

Kollha nafu kemm kura tal-kanċer tista’ tkun diffiċli. Il-kuri tal-kanċer tradizzjonali bħall-kirurġija, ir-radjazzjoni u l-kimoterapija mhux biss jagħmlu l-ħsara liċ-ċelloli tal-kanċer, iżda ħafna drabi wkoll lil dawk b’saħħithom. Għalhekk il-kuri ħafna drabi jwasslu għal effetti sekondarji mhux mixtieqa bħal nawżja, remettar, telf ta’ xagħar u infezzjoni. Minkejja dan, m’hemmx garanzija għal kura. 

Arma b’saħħitha

Waħda mill-ideat wara n-nanoteknoloġija fil-kura tal-kanċer hija f’ħafna modi sempliċi. Bażikament, din tipprova timmira l-effett ta’ mediċini kontra l-kanċer b’mod aktar preċiż. Kura mmirata b’mod aktar preċiż timpedixxi milli nagħmlu ħsara lil ċelloli b’saħħithom.

Wieħed mill-metodi, li ġie ttestjat fuq il-ġrieden, huwa li jiġi injettat tip partikolari ta’ nanopartikola direttament fit-tumur tal-kanċer. Wara l-injezzjoni, laser isaħħan in-nanopartikoli li mbagħad jagħmlu l-ħsara jew saħansitra joqtlu liċ-ċelloli tal-kanċer. 

Dijanjożi bikrija hija fundamentali

Użu ieħor tan-nanoteknoloġija fil-ġlieda kontra l-kanċer jimmira li jidentifika t-tumur fi stadju aktar bikri milli kieku jista’ jkun possibbli. In-nanopartikoli li huma mfassla biex jeħlu maċ-ċelloli tal-kanċer jagħmlu lit-tumuri viżibbli fl-iskens aktar kmieni fl-iżvilupp tal-marda. Minħabba li dijanjożi bikrija hija vitali għall-kura tal-kanċer, dan huwa pass importanti fil-ġlieda kontra l-marda. 

Ix-xjenza ta’ affarijiet żgħar ħafna

In-nanoteknoloġija hija dwar il-manipulazzjoni ta’ materja f’daqsijiet verament żgħar. Aħna nagħmlu dan għaliex imbagħad inkunu nistgħu nibdlu kif xi sustanzi jġibu ruħhom. Pereżempju, id-deheb jibdel il-kulur tiegħu u jsir aħmar meta jitkisser għall-iskala tan-nano. Dak il-kulur aħmar intuża għal sekli sħaħ biex jagħti lill-ħġieġ ikkulurit aħmar il-kulur tiegħu. Fi kliem ieħor, in-nanopartikoli, mhumiex xi ħaġa ġdida, dawn jeżistu wkoll fin-natura. Iżda, in-nanoteknoloġija tagħmilha possibbli biex jiġu manifatturati nanomaterjali u jsir użu mill-karatteristiċi speċjali tagħhom.

Aqra aktar dwar in-nanomaterjali u fejn jintużaw.
Il-logo tal-Osservatorju tal-Unjoni Ewropea għan-Nanomaterjali

Route: .live2