Aqra t-tikketti - Chemicals In Our Life

Aqra t-tikketti

Is-sigurtà fuq ix-xogħol tibda minn li tkun taf u tifhem it-tikkettar u l-istruzzjonijiet għal użu sigur ta’ sustanzi kimiċi perikolużi. Bil-liġi, il-fornituri tas-sustanzi kimiċi jridu jikklassifikaw is-sustanzi u t-taħlitiet tagħhom. Tgħallem it-tikketti u ibqa’ sigur(a)!

Is-sustanzi u t-taħlitiet perikolużi jridu jiġu kklassifikati u s-sustanzi kimiċi li jitqiegħdu fis-suq jridu jiġu ttikettati u ppakkjati kif xieraq.

It-tikketti jistgħu jgħinuk tidentifika liema sustanzi kimiċi huma perikolużi u kif dawn jistgħu jagħmlulek il-ħsara. Dawn jgħidulek ukoll kif taħżen u timmaniġġja s-sustanzi perikolużi b’mod sigur.

It-tikketti fuq prodotti li fihom sustanzi kimiċi perikolużi juru l-perikli fiżiċi, għas-saħħa u ambjentali tal-prodott. Dawn jgħidulek ukoll il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu sabiex il-prodotti jiġu mmaniġġjati b’mod sigur. L-istess tikkettar japplika madwar id-dinja sabiex irrispettivament minn fejn taħdem, titgħallem it-tikketti u tibqa’ sigur(a).

Ikklikkja hawn biex tara infografika li tispjega t-tikketti

Ara l-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi

Il-fornituri tas-sustanzi kimiċi huma responabbli għall-klassifikazzjoni tas-sustanzi u t-taħlitiet li jfornu. Din tissejjaħ awtoklassifikazzjoni.

Xi drabi, il-klassifikazzjoni jsir qbil fuqha minn esperti indipendenti fil-livell Ewropew. Din tissejjaħ klassifikazzjoni armonizzata. Ħafna mis-sustanzi l-aktar perikolużi li jaffettwaw is-saħħa tal-ħaddiema għandhom klassifikazzjoni armonizzata.

Dan ifisser li l-manifatturi madwar l-Ewropa huma obbligati legalment biex jikklassifikaw u jittikkettjawhom bl-istess mod. Għalhekk, anki jekk il-fornitur tiegħek jinbidel, l-armonizzazzjoni tiżgura li l-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanza ser ikunu l-istess. Dan ser jagħmilha aktar faċli għalik biex tkun taf liema miżuri ta’ prekawzjoni għandek tieħu meta tuża s-sustanza.

Hemm eluf ta’ sustanzi bi klassifikazzjoni armonizzata u l-lista qiegħda tikber. Eżempju wieħed huwa l-formaldeid. Il-klassifikazzjoni armonizzata tiegħu toħloq sistema madwar l-UE tal-immaniġġjar tar-riskji tiegħu. Din hija aħbar tajba għall-ħaddiema u l-professjonisti f’bosta setturi industrijali, speċjalment fil-kura tas-saħħa, fil-kostruzzjoni, fl-industriji awtomobilistiċi u tat-tessuti, fejn l-esponiment jista’ jkun għoli.