What's in a biocide? - Chemicals In Our Life

X’hemm fi prodott bijoċidali?

Prodotti bijoċidali huma prodotti li jaġixxu kontra l-pesti u l-batterji. Sabiex ikollhom dan l-effett, ta’ spiss ikun fihom sustanzi kimiċi perikolużi. Jekk tixtieq tkun taf x’hemm fil-prodotti bijoċidali li tixtri u jekk tixtieq issib l-alternattivi li l-inqas jagħmlu ħsara lill-ambjent, ipprova l-bażi ta’ data tagħna dwar il-prodotti bijoċidali.

Aħna niddependu fuq il-prodotti bijoċidali għal bosta affarijiet. Pereżempju, niddiżinfettaw idejna fl-isptarijiet biex nevitaw it-tixrid tal-batterji, u nużaw sustanzi li jbegħdu n-nemus biex nevitaw gidmiet xejn pjaċevoli.
  • Id-diżinfettanti jipproteġu l-ġilda tiegħek u s-superfiċji f’darek mill-batterji, mill-ħmira (yeasts), mill-fungi u mill-virusijiet.
  • Il-preservattivi jipproteġu l-prodotti mill-batterji, mill-ħmira u mill-fungi.
  • Il-prodotti għall-kontroll tal-pesti jipproteġu lilek u lil darek mill-pesti.
  • Prodotti oħrajn, bħal dawk li jintużaw biex jipproteġu dgħajsa minn inkrostazzjoni (fouling).
 
L-użu tal-prodotti bijoċidali huwa regolat fl-UE. L-awtoritajiet jivvalutaw ir-riskji tal-użu ta’ prodott bijoċidali qabel ma jiddeċiedu jekk iħalluhx jitqiegħed fis-suq tal-UE.
 
Filwaqt li aħna niddependu fuq xi prodotti bijoċidali, hemm oħrajn li nistgħu ngħixu mingħajrhom jew nużawhom inqas. Meta nagħmlu għażliet infurmati dwar il-prodotti bijoċidali li nixtru u nużaw inkunu qed ngħinu nillimitaw l-impatt tagħhom fuq is-saħħa tagħna u fuq l-ambjent.

Fittex prodotti bijoċidali

Agħżel prodott bijoċidali, bħal sanitizzatur tal-idejn, prodott għat-tindif tat-tojlit jew sustanza li tbiegħed in-nemus, u ttajpja ismu fil-bar tat-tiftix tal-bażi ta’ data tal-prodotti bijoċidali tal-ECHA. Se tkun tista’ ssir taf fejn fl-UE l-prodott huwa awtorizzat, x’inhuma l-ingredjenti ewlenin tiegħu u kif jista’ jintuża b’mod sikur. Se jkollok aċċess għall-valutazzjoni magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-riskji possibbli tal-prodott għall-bnedmin, l-annimali u l-ambjent.

Qabbel il-prodotti

L-informazzjoni fuq il-bażi ta’ data tal-ECHA tista’ tgħinek tidentifika prodotti bi profil aktar favorevoli għas-saħħa u l-ambjent. Pereżempju, jekk tixtieq issib id-diżinfettant li l-inqas jagħmel ħsara, tista’ tfittex it-tip tal-prodott ‘diżinfettant’ u tagħżel sa erba’ prodotti biex tqabbilhom. Se tkun tista’ tara jekk xi wieħed mill-prodotti fihx sustanza attiva li hija kkunsidrata inqas perikoluża, jew jekk il-prodotti fihomx sustanzi attivi kkunsidrati kandidati għas-sostituzzjoni jew kwalunkwe sustanza ta’ tħassib.

Jekk inti interessat(a) li tixtri sustanzi li jbegħdu n-nemus, tista’ tfittex it-terminu ‘nemus’ fil-bażi ta’ data biex issib il-prodotti li attwalment huma approvati fis-suq tal-UE bħala sustanzi li jbegħdu n-nemus. Jekk sempliċiment tixtieq tkun taf liema prodotti huma awtorizzati f’pajjiżek, tista’ tfittex skont iż-żona ta’ kummerċ.

Ma tistax issib prodott?

Il-bażi ta’ data fiha informazzjoni dwar il-prodotti bijoċidali li ġew awtorizzati fl-UE. Jekk ma tistax issib prodott, x’aktarx li dan għaliex il-prodott jew is-sustanza attiva fih għadhom qed jiġu vvalutati mill-awtoritajiet. Il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi attivi kollha huma vvalutati qabel ma jitħallew jitpoġġew fis-suq tal-UE - l-eċċezzjoni huma l-prodotti li kienu fis-suq qabel l-2000, li jistgħu jkomplu jinbiegħu filwaqt li s-sustanzi attivi jkunu qed jiġu evalwati.

Vidjow

Aqra aktar