Why we care about ‘forever chemicals’ and why you should too - Chemicals In Our Life

Ir-raġuni għaliex is-“sustanzi kimiċi dejjiema” huma importanti għalina u għaliex għandhom ikunu importanti għalik ukoll

Il-PFAS ilhom jintużaw fil-prodotti għall-konsumatur mis-snin erbgħin 'l hawn. Dawn huma estremament persistenti, jiffurmaw fl-ambjent u xi wħud jiffurmaw anke f’ġisimna. Din hija r-raġuni għaliex ta’ spiss jissejħu sustanzi kimiċi dejjiema. It-testijiet jindikaw li xi wħud jikkawżaw effetti serji fuq is-saħħa bħall-kanċer u l-ħsara fil-fwied. L-aħbar it-tajba hija li l-UE qiegħda tieħu azzjoni biex tnaqqas l-użu tagħhom.

Jista’ jkun li qatt ma smajt bihom, iżda ma hemm l-ebda dubju li inti kont f’kuntatt ma’ sustanzi poli- u perfluworoalkiliċi – PFAS fil-qosor. Dawn huma sustanzi kimiċi mmanifatturati u tant jintużaw mill-industrija u fil-produzzjoni ta’ prodotti għall-konsumatur li ġew skoperti fl-ilma tax-xita, fl-ilma tax-xorb, fl-ilma ta’ taħt l-art u, skont studji ta’ bijomonitoraġġ, xi wħud minnhom anke fid-demm ta’ ċittadini Ewropej u Amerikani.

Il-problema hija li hemm tħassib serju dwar is-saħħa marbut ma’ diversi PFAS u dawn ma jiddegradawx fl-ambjent iżda jikkontaminaw l-ikel, l-għalf u l-ilma tax-xorb kull fejn jintużaw. Hemm ħafna minnhom, b’aktar minn 4 700 sustanza elenkati bħala PFAS fil-Bażi tad-Data Globali tal-OECD, u kollha kemm huma għandhom persistenza għolja ħafna bħala proprjetà komuni. Anke li kieku kellna ntemmu l-manifattura tagħhom għada, dawn xorta waħda jibqgħu preżenti għal bosta ġenerazzjonijiet peress li l-ebda sustanza kimika mmanifatturata oħra ma tibqa’ fl-ambjent daqs il-PFAS. Din hija r-raġuni għaliex il-PFAS ta’ spiss jissejħu sustanzi kimiċi dejjiema.

Fejn jinsabu l-PFAS?

Kif imsemmi, il-PFAS jintużaw f’ħafna prodotti differenti fejn jistgħu jżidu varjetà ta’ proprjetajiet utli, pereżempju, jintużaw fi ħwejjeġ tax-xita biex ikunu impenetrabbli għaż-żejt u l-ilma iżda jintużaw ukoll fil-fowms għat-tifi tan-nar u fl-ilbies protettiv kontra n-nirien, fil-kisja tat-taġnijiet u tal-borom non-stick, fl-imballaġġ tal-ikel bħall-boroż tal-popocorn li jintużaw fil-microwave u f’ħafna materjali tat-tgeżwir li jintużaw għall-fast food, fil-prodotti kożmetiċi, fit-tessuti għall-għamara, fit-trattamenti tal-wiċċ fuq tessuti u twapet oħrajn, fiż-żebgħa, fil-pjanċi bil-krom, fil-film li jgħatti l-pannelli solari, fil-materjali tal-kostruzzjoni bħall-kisjiet fuq il-metalli u l-madum – biex insemmu xi wħud.

Il-PFAS kif jaffettwaw saħħtek?

L-użu wiesa’ ta’ PPFAS diġà kellu effett serju fuq l-ambjent. L-istudji wrew li l-PFAS ikkontaminaw l-ilma tax-xorb u l-ħamrija fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, u nstabet firxa ta’ PFAS fid-demm ta’ kważi ċ-ċittadini Amerikani kollha li ġew ittestjati. Il-PFAS mhumiex ġodda, ilhom jintużaw mis-snin erbgħin, u minħabba li ma jiddegradawx, diġà kellhom ħafna żmien biex jiffurmaw fl-ambjent u xi wħud fil-bnedmin kif ukoll fl-annimali. It-tħassib dwar is-saħħa huwa wieħed serju. It-testijiet urew li xi PFAS jikkawżaw effetti bħal żieda fil-livelli ta’ kolesterol, sistemi immunitarji mdgħajfa, kanċer tal-kliewi u tat-testikoli u ħsara fil-fwied.

Kif tista’ tevita l-PFAS?

Ovvjament mhuwiex faċli li l-PFAS jiġu evitati kompletament minħabba li l-użu tas-sustanzi huwa mifrux ħafna. Inti tista’ tkun espost għall-PFAS permezz tal-ikel, l-ilma tax-xorb, il-ħwejjeġ li tilbes, il-kożmetiċi u ħafna mill-prodotti l-oħra msemmija hawn fuq. Madankollu, xorta waħda hemm xi affarijiet li inti tista’ tagħmel biex tnaqqas l-esponiment tiegħek. Pereżempju, inti tista’ tixtri prodotti b’ekotikketti jew prodotti li jindikaw direttament li huma ħielsa mill-PFAS.

X’inhi tagħmel dwar dan l-UE?

Il-manifattura u l-użu ta’ xi PFAS diġà huma ristretti bħala parti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi. Diversi Stati Membri tal-UE pproponew aktar restrizzjonijiet ta’ aċidi karbossiliċi perfluworuti li huma identifikati bħala PFAS. Il-kumitati xjentifiċi tal-ECHA jaqblu ma’ dawn il-proposti u jappoġġaw ir-restrizzjoni.

Barra minn hekk, l-ECHA u l-Kummissjoni Ewropea qegħdin iwettqu studji relatati mal-PFAS użati fil-fowms u fit-tessuti għat-tifi tan-nar.

Il-lista ta’ Kandidati ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (SVHCs) ta’ REACH fiha wkoll diversi sustanzi elenkati bħala PFAS. Il-Lista ta’ Kandidati hija l-ewwel pass biex jiġu kkontrollati s-sustanzi taħt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni ta’ REACH. Din tiskatta wkoll ħafna kumpaniji biex ifittxu sostituti aktar sikuri għas-sustanzi elenkati fiha. Diversi PFAS oħra jinsabu taħt evalwazzjoni ulterjuri u ttestjar potenzjali.

L-użu tal-aċidu perfluworoottansulfoniku u d-derivattivi tiegħu (PFOS) u ta’ sustanzi oħra kkategorizzati bħala PFAS diġà huma ristretti mill-UE. Diversi Stati Membri tal-UE u n-Norveġja pproponew li jirrestrinġu diversi sustanzi PFAS oħrajn.

Il-bażijiet tad-data tal-ECHA fihom aktar minn 2 000 PFAS individwali li jinsabu fis-suq tal-UE. Minħabba l-għadd kbir ta’ PFAS, l-ECHA ilha mill-2014 tivvalutahom fi gruppi aktar milli wieħed wieħed sabiex tħaffef il-proċess.

Podcast: How is the EU making sure PFAS chemicals don’t stick around?

Interview with Bjorn Hansen, ECHA's Executive Director about poly- and perfluoroalkyl substances (PFAS). Where exactly are they used, what are the concerns and what is the EU doing about them? Listen to our podcast to find out!

Infographic