Chemicals in feminine hygiene products - Chemicals In Our Life

Sustanzi kimiċi fil-prodotti tal-iġjene tan-nisa

L-UE qiegħda tiġbor informazzjoni dwar ir-riskji potenzjali tas-saħħa tal-prodotti tal-iġjene tan-nisa wara li l-esperti sabu sustanzi kimiċi perikolużi f'konċentrazzjonijiet baxxi.

Is-sigurtà tal-prodotti tal-iġjene tan-nisa, bħal xugamani sanitarji, panty liners, tampuni u menstrual cups, kienet qed tiġi diskussa peress li żewġ awtoritajiet nazzjonali sabu konċentrazzjonijiet żgħar ta' sustanzi kimiċi perikolużi fihom.

L-aġenzija Franċiża, l-ANSES, titlob li jkun hemm restrizzjonijiet taħt REACH u tħeġġeġ lill-manifatturi jtejbu l-kwalità tal-materja prima.

Fil-valutazzjoni tagħha, l-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel, Ambjentali u Fuq ix-Xogħol (l-ANSES) talbet li jkun hemm restrizzjonijiet taħt REACH sabiex tiġi limitata l-preżenza ta' sustanzi karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) f'dawn il-prodotti. Il-kompożizzjoni, il-manifattura u l-użu tagħhom attwalment mhumiex regolati minn regolament speċifiku, iżda huma soġġetti għal leġiżlazzjoni orizzontali, inkluża d-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (DSĠP).

Materja prima responsabbli

F'Lulju 2018, l-ANSES sabet traċċi ta' fwejjaħ, idrokarbur aromatiku poliċikliku (PAHs) u pestiċidi fil-prodotti b'karatteristiċi karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), li jfixklu s-sistema endokrinali jew li jaffettwaw il-ġilda. Xi wħud mill-pestiċidi li nstabu huma pprojbiti fl-UE, bħal-lindane u l-quintozene.

Il-biċċa l-kbira tas-sustanzi ma żdiedux b'mod intenzjonali mal-prodotti, bl-eċċezzjoni ta' fwieħa waħda. Fil-fatt, il-maġġoranza tagħhom aktarx ġew minn materja prima li kienet ikkontaminata jew bħala prodotti sekondarji mhux mixtieqa matul il-proċessi tal-produzzjoni, bħall-iskulurizzazzjoni jew it-twaħħil.

Minkejja li s-sejbiet tal-ANSES urew li l-konċentrazzjonijiet kienu tant baxxi li ma jippreżentawx riskju, l-aġenzija xorta qiegħda tagħti l-parir li l-manifatturi jtejbu l-kwalità tal-materja prima tagħhom u li jirrevedu xi wħud mill-proċessi tal-produzzjoni tagħhom biex jeliminaw ir-riskji.

Ftit żmien qabel, l-Aġenzija Żvediża għas-Sustanzi Kimiċi (Kemi) ikkonkludiet ukoll li r-riskju ta' effetti negattivi fuq is-saħħa fil-prodotti tal-iġjene tan-nisa kien baxx. Kemi sabet 21 sustanza kimika li jew kienu perikolużi jew kien hemm suspett li kienu perikolużi fil-35 prodott li analizzat. Madankollu, is-sejbiet tagħha tennew dawk tal-ANSES fis-sens li s-sustanzi perikolużi fil-parti l-kbira tagħhom kienu f'konċentrazzjonijiet baxxi.

Kien hemm tliet silossani użati f'xi menstrual cups li ma setgħetx issir valutazzjoni tar-riskju fuqhom minħabba li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni dwarhom. Dawn instabu f'konċentrazzjonijiet baxxi ħafna, anke taħt dawk li l-kumpaniji tal-UE huma obbligati li jirrapportaw għal sustanzi ta' tħassib serju ħafna (SVHCs). Minkejja li r-riżultati ma indikawx riskju għas-saħħa, Kemi se tgħarraf lill-manifatturi u lill-importaturi dwar is-sejbiet.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-produtturi attwalment mhumiex obbligati li jiżvelaw il-lista tal-ingredjenti tal-prodotti skont id-DSĠP. Madankollu, id-direttiva tiddikjara li prodotti siguri biss jistgħu jitqiegħdu fis-suq u li l-produtturi huma responsabbli għas-sigurtà tagħhom.

Il-produtturi jridu wkoll jipprovdu informazzjoni rilevanti u twissijiet adegwati sabiex ir-riskji jkunu jistgħu jiġu vvalutati. L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma responsabbli għall-infurzar u jridu jieħdu azzjoni jekk jinstabu prodotti mhux siguri fis-suq.

Hija meħtieġa aktar informazzjoni esperta biex jiġu vvalutati r-riskji potenzjali tas-saħħa tal-prodotti tal-iġjene tan-nisa u jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa azzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà.