Protecting workers through enforcement - Chemicals In Our Life

Il-protezzjoni tal-ħaddiema permezz tal-infurzar

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi taż-ŻEE jaħdmu flimkien f’Forum tal-Infurzar biex jiżguraw li l-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi u jgħinu biex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiem. L-ispetturi jistgħu joħorġu multi, twissijiet jew parir bil-miktub lill-kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

Il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-użu sigur hija essenzjali biex tinbena kultura ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti kollha ta’ sustanza kimika perikoluża jistgħu jużawha b’mod sigur, il-fornituri għandhom jikkomunikaw informazzjoni dwar is-sigurtà lil oħrajn fil-katina tal-provvista.

Il-kumpaniji jużaw skedi ta’ data ta’ sigurtà biex jipprovdu informazzjoni lill-ħaddiema dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom meta jaħdmu b’sustanzi kimiċi perikolużi. L-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tinkludi wkoll informazzjoni dwar x’jagħmel sustanza kimika perikoluża, jiġifieri l-perikli fiżiċi, tas-saħħa u ambjentali tas-sustanza.

L-informazzjoni jeħtieġ li tkun affidabbli, sħiħa u ta’ kwalità għolja. Il-kumpaniji għandhom obbligu legali li jiżguraw li din l-informazzjoni tkun preċiża u aġġornata.

Infurzar regolatorju – biex jiżgura s-sigurtà tal-ħaddiem

Il-Forum tal-Infurzar qed iwettaq diversi proġetti ta’ infurzar. Xi wħud minnhom huma relatati direttament mas-sigurtà tal-ħaddiem bħall-proġett REF-5 tal-2017 dwar il-kontroll ta’ kif il-kumpaniji jikkomunikaw informazzjoni dwar is-sigurtà ta' sustanzi kimiċi perikolużi lill-klijenti tagħhom u jekk il-klijenti jimplimentawx il-pariri dwar is-sigurtà. 18 % tal-kumpaniji spezzjonati ma kinux konformi ma’ tal-inqas wieħed mir-rekwiżiti vverifikati.

Matul dan il-proġett, awtoritajiet tal-infurzar minn 29 pajjiż tal-UE u taż-ŻEE wettqu 898 spezzjoni għal 1 435 sustanza kimika.

Spetturi mill-Ewropa kollha li jirrigwardaw REACH, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali kif ukoll l-ambjent ħadmu flimkien f’dan il-proġett. B’kollox, ġew irrappurtati 296 każ ta' ksur u ttieħdu 665 miżura tal-infurzar.

Żur il-paġni web tal-Forum tal-Infurzar biex issir taf aktar dwar l-infurzar u biex iżżomm ruħek aġġornat mal-proġetti attwali u li jmiss tal-Forum.