The problem with microplastics - Chemicals In Our Life

Il-problema bil-mikroplastiċi

Il-plastik huwa materjal importanti. Dan jagħmel ħajjitna aktar faċli, spiss ikun eħfef u jiswa inqas flus minn materjali alternattivi. Madankollu, jekk ma jintremiex jew jekk ma jiġix irriċiklat kif suppost, dan jista’ jibqa’ fl-ambjent għal perjodi twal u jista’ wkoll jiddegrada f’biċċiet iżgħar li jkunu ta’ tħassib – il-mikroplastiċi.

Il-mikroplastiċi jistgħu wkoll jiġu manifatturati apposta u miżjuda intenzjonalment mal-prodotti. Barra minn hekk, xi plastik fih sustanzi kimiċi perikolużi li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq in-natura jew is-saħħa tal-bniedem.

Il-mikroplastiċi huma partiċelli żgħar ħafna ta’ materjal tal-plastik (tipikament iżgħar minn 5 mm u ħafna drabi iżgħar inkluż in-nanoplastiċi). Dawn jistgħu jiġu ffurmati mhux intenzjonalment bl-użu ta’ biċċiet ikbar ta’ plastik, inkluż tessuti sintetiċi. Jistgħu wkoll jiġu manifatturati apposta u miżjuda intenzjonalment ma’ prodotti għal skop speċifiku, pereżempju, bħala żibeġ esfoljanti fi prodotti ta’ purifikazzjoni tal-wiċċ jew tal-ġisem jew bħala trab li jleqq fil-make-up. Meta jiġu rilaxxati fl-ambjent, dawn jistgħu jiġu akkumulati mill-annimali, inklużi l-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra u konsegwentement jittieklu bħala ikel mill-konsumaturi.

Ispirati minn tħassib għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem, diversi Stati Membri tal-UE daħħlu fis-seħħ jew ipproponew projbizzjonijiet nazzjonali fuq l-użu intenzjonat tal-mikroplastiċi f’ċerti prodotti tal-konsumatur, prinċipalment użu ta’ “mikrożibeġ” fi prodotti kożmetiċi tat-“tlaħliħ” fejn dawn jintużaw bħala aġenti esfoljanti jew tat-tindif.

Fejn tista’ ssib il-mikroplastiċi?

Partiċelli tal-mikroplastik miżjuda b’mod intenzjonat jintużaw f’firxa ta’ prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, bħal f’ċerti kożmetiċi, deterġenti, prodotti tat-tindif u żebgħa. Il-mikroplastiċi jintużaw ukoll f’ċerti tipi ta’ fertilizzanti u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (pestiċidi). Dawn jintużaw ukoll bħala materjal ta’ infill fuq grawnds sportivi artifiċjali.

Fil-prodotti tal-konsumatur, il-partiċelli tal-mikroplastik huma magħrufa l-aktar bħala abbrażivi (eż. aġenti esfoljanti u ta’ llostrar fil-kożmetiċi magħrufa bħala mikrożibeġ), iżda jista’ jkollhom ukoll funzjonijiet oħrajn, bħal li jikkontrollaw il-viskożità (ħxuna), id-dehra u l-istabbiltà ta’ prodott.

X’inhi tagħmel l-UE?

F’Jannar 2019, l-ECHA pproponiet restrizzjoni b’firxa wiesgħa fuq l-użi intenzjonati tal-mikroplastiċi fi prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE/taż-ŻEE sabiex jiġi evitat jew sabiex jitnaqqas ir-rilaxx tagħhom fl-ambjent. Huwa stmat li l-proposta tipprevjeni r-rilaxx ta’ 500 000 tunnellata ta’ mikroplastiċi matul il-perjodu ta’ 20 sena wara l-introduzzjoni tagħha.

Il-kumitati xjentifiċi tal-ECHA jappoġġaw il-proposta. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Mmebri tal-UE se jieħdu d-deċiżjoni finali filwaqt li jqisu l-opinjoni tal-ECHA. Segwi l-links ta’ hawn taħt għal aktar dettalji.

Vidjo

 

Aqra aktar