Is-sustanzi kimiċi fl-agrikoltura - Chemicals In Our Life

Is-sustanzi kimiċi fl-agrikoltura

Il-biedja konvenzjonali tagħmel użu minn pestiċidi li jipproteġu l-pjanti u l-fertilizzanti għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-fertilità tagħhom. Fil-biedja organika, l-użu tagħhom huwa ristrett ħafna. Fiż-żewġ tipi ta’ biedja, l-UE qed taħdem għal prodotti aktar sikuri għall-konsumaturi.

Pestiċidi - magħrufa wkoll bħala sustanzi kimiċi agrikoli - huma sustanzi li jintużaw biex jipproteġu l-pjanti kontra l-pesti. Dawn jinkludu erbiċidi biex joqtlu l-ħaxix ħażin, fungiċidi biex jeliminaw il-mard u insettiċidi biex joqtlu insetti żgħar. Sfortunatament dawn is-sustanzi kimiċi mhux biss jeliminaw dak li ma jkunx mixtieq, iżda jistgħu jagħmlu ħsara wkoll lis-saħħa u lill-ambjent tagħna.

Il-pestiċidi jew il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fihom tal-anqas sustanza attiva waħda u jintużaw biex:

  • jipproteġu l-pjanti kontra pesti u mard;
  • jinfluwenzaw kemm jikbru l-pjanti;
  • jippreservaw il-prodotti tal-pjanti;
  • joqtlu jew jimpedixxu t-tkabbir ta’ pjanti mhux mixtieqa;

X’inhi tagħmel l-UE?

L-UE qed tikkontrolla l-użu tal-pestiċidi sabiex timminimizza r-riskji għas-saħħa tagħna u għall-ambjent.

Il-pestiċidi kollha għandhom sustanzi attivi li jieħdu azzjoni kontra “pesti” jew pjanti mhux mixtieqa. Is-sustanzi attivi kollha li qed jintużaw mill-UE għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jridu jiġu approvati mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li huma sikuri qabel jilħqu jaslu fis-suq fi prodott. Is-sustanzi għandhom ikunu sikuri għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) twettaq valutazzjonijiet tar-riskju tal-pestiċidi u tipprovdi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri b’appoġġ xjentifiku fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. L-approvazzjonijiet imbagħad jingħataw abbażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet intensivi. L-EFSA hija l-Aġenzija tal-UE responsabbli u toffri informazzjoni dettaljata fuq is-sit web tagħha li tista’ ssib link għaliha hawn taħt.

L-ECHA tiġġestixxi l-liġi dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar tas-sustanzi kimiċi. Il-mod li bih sustanza kimika tiġi vvalutata u tikkettata huwa bbażat fuq il-karatteristiċi perikolużi li jista’ jkollha.

Fl-agrikoltura moderna jintużaw ħafna sustanzi differenti. Inti jaf smajt bil-glifosat, li huwa wieħed mill-erbiċidi l-aktar użati biex jinqatel il-ħaxix ħażin. Aqra hawn taħt għall-aħbarijiet l-aktar riċenti dwar il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza.

U dwar il-biedja organika?

Mod wieħed kif tiġi llimitata l-emissjoni tal-pestiċidi fl-ambjent u l-esponiment għall-bnedmin huwa billi jiġu prodotti prodotti organiċi. Fil-biedja organika, l-użu ta’ pestiċidi kimiċi kif ukoll ta’ fertilizzanti sintentiċi, antibijotiċi u sustanzi oħra huwa ristrett ħafna. Il-farms organiċi għandhom isegwu ċerti regoli stretti jekk jixtiequ jsejħu l-prodotti tagħhom organiċi.

Xi prinċipji importanti tal-ipproċessar tal-prodotti organiċi huma:

  • limiti stretti ħafna dwar l-użu ta’ sustanzi kimiċi agrikoli, pestiċidi, fertilizzanti, antibijotiċi u addittivi tal-ikel;
  • li ma jintużawx organiżmi ġenetikament modifikati (GMOs);
  • li jintużaw riżorsi ta’ fuq is-sit;
  • li jintgħażlu speċijiet ta’ pjanti u annimali reżistenti għall-mard u adattati għall-kundizzjonijiet lokali,

Jekk inti interessat li ssib x’inhi tagħmel l-UE dwar il-biedja organika, tista’ ssegwi l-link hawn taħt u taqra aktar.

Aqra aktar